Li tonfoq bl-addoċċ dalwaqt titqies marda

Dalwaqt mistennija titħabbar marda ġdida – dik li persuna tibda tonfoq bl-addoċċ u bla kontroll. Dan jirriżulta minn riċerka ġdida li tidentifika li l-problema għandha kawżi u karatteristiċi partikolari.

L-esperti laqgħu din l-aħbar b’mod pożittiv, wara li dan l-aħħar ġiet klassifikata marda oħra ġdida – dik li persuna tkun ossessjonata bil-logħob onlajn u ma tkunx tista’ tikkontrolla lillha nnifisha. Din il-marda ġdida ġiet rikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Fir-Renju Unit, tifel ta’ 15-il sena ġie klassifikat li għandu din il-kundizzjoni, f’Mejju li għadda.

L-ispeċjalisti fis-suġġett, fosthom il-psikologi qalu li issa din il-klassifika tal-marda tal-ossessjoni għax-xiri għandha twassal għal trattament aħjar għal min ibati minnha. Fost l-oħrajn jistgħu jittieħdu miżuri pubbliċi bħalma jsir meta jiġu mgħejjuna nies li jridu jieqfu jpejpu, jixorbu jew jilgħabu l-logħob onlajn.

Il-kundizzjoni imsejħa compulsive buying disorder (CBD) timmanifesta ruħha meta persuna tkun anzjuża sakemm jirnexxielha tixtri xi ħaġa. Ir-riċerka turi li sa 6% tal-popolazzjon Ingliża għandha din il-kundizzjoni. Sitta minn kull għaxar pazjenti huma nisa.