“Li tkun Nisrani u missjunarju hi l-istess ħaġa” – il-Papa

Il-Papa Franġisku spjega li  t-tħabbir tal-Evanġelju bil-kelma u, qabel kollox, bil-ħajja, hu l-għan prinċipali tal-komunità Nisranija u ta’ kull membru tagħha. 
Waqt li kien qed jindirizza l-folla fi Pjazza San Pietru, il-Papa qal kif li tkun Nisrani u missjunarju hi l-istess ħaġa.
Spjega kif Ġesù jindirizza l-Bxara t-Tajba lil kulħadd, ħadd eskluż, anzi jipprivileġġja lill-aktar imbiegħda, lill-batuti, lill-morda, lil min hu skartat mis-soċjetà.
Il-Papa enfasizza li biex tevanġeliżża lill-foqra ifisser fuq kollox li “nersqu lejhom, ifisser li nfittxu l-ferħ fil-qadi li ntuhom, li neħilsuhom mill-jasar tagħhom, u dan kollu f’isem u bl-Ispirtu ta’ Kristu.”
Ġibed l-attenzjoni li dan ma jfissirx li toffri l-assistenza soċjali biss, anqas u anqas li tkun attività politika. 
Temm jispjega li jfisser li toffri l-qawwa tal-Evanġelju ta’ Alla, li jikkonverti l-qlub, ifejjaq il-ġrieħi, jittrasforma r-relazzjonijiet umani u soċjali skont il-loġika tal-imħabba.