“Li tkun anzjan u jkollok id-dimenzja hi stigma doppja” – tabiba mir-Renju Unit

“Li tkun anzjan u li jkollok id-dimenzja hija stigma doppja,” qalet Dr Nori Graham li hija Viċi President Onorarja tal-Alzheimer’s Disease International (ADI).

Fir-rapport globali tal-2019 tal-ADI, Graham qalet li l-pubbliku jdawwar wiċċu mill-anzjani u jippreferi li ma jkunx jaf dwar nies bid-dimenzja.

Qalet li għadu mhux aċċettat li dijanjożi tad-dimenzja hija normalment il-bidu ta’ ħafna snin ta’ disordni mentali u fiżika li tfisser bidliet għal dawk kollha involuti.

X’inhi d-dimenzja?

Qalet li kull pajjiż għandu bżonn workforce bil-ħiliet neċessarji u li tkun imħallsa kemm hemm bżonn biex tieħu ħsieb lin-nies fid-dar tagħhom jew f’care home.

“Inħarġu lill-għalliema biex iħarġu lil uliedna. Għandna nħarġu workforce biex tieħu ħsieb l-anzjani tagħna li għandhom id-dimenzja,” qalet Graham li żiedet tgħid li l-ebda pajjiż mhu qed jagħmel hekk.

Graham tkellmet ukoll dwarha nnifisha. Qalet li tibża’ mid-dimenzja għax tista’ titlef il-memorji sbieħ tagħha u tħossha umiljata għax ikollha tiddependi fuq ħaddieħor għall-kura personali tagħha.

Silvia Perel-Levin mill-Geneva NGO Committee on Ageing qalet li kulħadd jiber fl-età.

“Aktar u aktar irġiel u nisa qed jgħixu ħajja twila. Però, kulħadd qisu jrid jgħix itwal imma b’kundizzjoni tas-saħħa tajba u mingħajr ma jixjieħ. L-anzjanità ma tfissirx li ma nistgħux nagħmlu l-affarijiet li nieħdu gost bihom. In fatti, nistgħu. Hemm evidenza li turi li ħafna persuni akbar mis-60 jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod ta’ ħafna nies li għandhom 20 jew 30.”

Skont Perel-Levin, minkejja li l-anzjani jistgħu jiffunzjonaw b’mod differenti, qisna rridu nistaqsu l-permess mis-soċjeta, mill-familja, jew minn persuni fil-qrib tagħha biex nagħmlu l-affarijiet li nieħdu gost bihom.

Qalet ukoll li meta persuna jkollha d-dimenzja, il-kundizzjoni ssir il-mod prinċipali ta’ kif jiġu deskritti.

“L-istigma tikkanċella l-personalità tal-indiviwu u l-istorja personali tiegħu. Is-sistemi ta’ kura jiffokaw fuq id-dimenzja minflok fuq il-bżonnijiet tal-persuna.”

Fi kliem Perel-Levin, l-abbuż jista’ jkun realtà għall-anzjani – kemm dawk li jkunu d-dar u anke dawk f’xi istituzzjoni. Dan jista’ jkun forma ta’ iżolazzjoni soċjali, negliżenza, trażżin fiżiku, diżrispett għall-għażliet personali, jiġu mċaħħda milli jieħdu deċiżjonijiet ta’ kuljum, u nuqqas ta’ libertà jew privatezza.

Spjegat li madwar id-dinja l-anzjani jesperjenzaw deskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet umani tagħhom.

“Id-drittijiet umani huma indiviżibli, interdependenti, u relatati ma’ xulxin. Jekk iċċaħħad lil xi ħadd mid-drittijiet qisek qed iċċaħħadhom minn kulħadd. Jekk iċċaħħad dritt wieħed qisek qed iċċaħħadhom kollha. Aħna kollha għandna d-drittijiet umani huma x’inhuma l-ġeneru, r-razza, l-abilità, u s-saħħa tagħhna.

Esperjenza mill-Messiku: Konna se nintefgħu taħt trailer – mara b’raġel bl-Alzheimer’s