“Li titlef wild hi traġika… imma l-ħajja tkompli” – missier

Missier Jerome Frendo stqarr li waħda mill-akbar tbatijiet ta’ ġenitur hija dik li jitlef xi wild.
Għaldaqstant insista, li wieħed jista’ jagħmel għażla, jew iħalli sitwazzjoni bħal din tkissru, jew jagħmel mezz kif ikompli jżomm il-memorja ta’ ibnu jew bintu ħajja.
Ilbieraħ, Kenneth Frendo, missier Jerome, kien qed jitkellem waqt iċ-ċerimonja ta’ ppremjar organizzata mid-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fejn il-koppja Frendo ingħataw ktieb bħala tifkira tal-okkażjoni u sinjal ta’ rispett lejn Jerome, li kien student tal-istess Fakultà.
Huwa kompla jgħid kif hu flimkien ma’ martu għamlu dan billi bdew l-inizjattiva msejjħa ‘Smiling with Jerome’ sabiex ikomplu jxerrdu l-messaġġ ta’ paċi u tama li kien beda ixerred binhom qabel ma tilef il-battalja mal-kanċer.
Kompla jispjega kif il-ħidma tagħhom fuq ‘Smiling with Jerome’ mhix se tieqaf hekk kif fil-jiem li ġejjin mistennija tiġi stabbilità bħala fondazzjoni lokali.
Permezz ta’ din il-fondazzjoni, it-tbissima ta’ Jerome qed tiġi mxerrda mhux biss lokalment iżda wkoll madwar id-dinja, hekk kif ftit tax-xhur ilu, Josette, omm Jerome marret l-Albanija sabiex tiltaqa’ ma’ familji foqra u ttihom ftit tama.
Preżenti għas-serata ta’ ppremjar kien hemm ukoll il-ġenituri ta’ Sarah Lee Borg, li ħalliet din id-dinja f’lejliet il-Milied li għadda. Sarah Lee kienet gradwat bħala ħaddiema soċjali mill-istess fakultà.
Il-ġenituri ta’ Sarah Lee ingħataw ukoll ktieb ta’ apprezzament mid-Dekan tal-Fakultà.
Ritratt: Kenneth Frendo