​Li tippersisti fl-iżball hija arroganza u egoiżmu…

Għadd ta’ residenti fi Vjal il-25 ta’ Novembru fiż-Żejtun urew l-għadab tagħhom għall-fatt li ta’ sikwit jiftħu l-bieb u jsibu ħafna skart goff u żibel mormi quddiem djarhom.
Apparti l-inkonvenjent li ssib dan l-iskart quddiemek, dan qed jattira ħafna nemus.
Biswit il-proprjetà ta’ dawn ir-residenti hemm għalqa li xi wħud ta’ qalbhom tajba qed jużawha bħala miżbla.
Dawn ir-residenti kkuntattjaw lill-Kunsill Lokali fejn ġew infurmati li, minħabba nuqqas ta’ fondi, il-Kunsill m'għandux minn fejn iqabbad gwardjan lokali biex jinqabad min qed jabbuża.
Kelliem għall-Kunsill ikkonferma wkoll li m'hemmx flus allokati biex jitwaħħlu kameras tas-sigurtà.
Għalkemm ir-residenti fehmu li m'hemmx flus, ma jistgħux jifhmu kif min qed jabbuża se jgħaddiha lixxa għax ħadd mill-awtoritajiet ma jista’ jieħu azzjoni.
L-istess residenti kkuntattjaw lil Garby and Tidy li min-naħa tagħhom marru fuq il-post u naddfuh u neħħew kulma sabu, inkluż ġurdien kbir mejjet.
“Mhux sew li minħabba l-egoiżmu ta’ xi ħadd qegħdin kull darba nġibu lil ta’ Garby and Tidy,” qalilna resident b’għadab kbir. Residenta oħra li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li, “Tefonata tmur fin-nofs u l-Kunsill jiġbor kulma jkollok. Għalfejn jarmu hawn? Jista’ xi ħadd jittrattana ta’ nies?”