“Li tiggradwa biex takkwista ħajtek lura hija ferm isbaħ” – Marilyn lil Fabrizio

Jum speċjali għal Fabrizio Faniello b’dedika speċjali mit-tfajla tiegħu Marilyn Mizzi. Fil-fatt illum jimmarka s-sentejn anniversarju minn mindu l-kantant Fabrizio Faniello kien iggradwa b’diploma tassew speċjali, meta kien ħeles mill-vizzju tad-droga u uffiċjalment il-21 ta’ Ġunju jimmarka dan il-jum.

“Li tiggradwa f’karriera huwa sabiħ però li tiggradwa biex takkwista ħajtek lura hija ferm isbaħ u ta’ dan aħna kburin bik,” kitbet it-tfajla f’messaġġ ta’ awgurju lill-maħbub tagħha.

“Il-memorji li hemm żgur li qatt ma nistgħu ninsewhom. Kienet mixja twila ħafna kemm għalik u kemm għalina bħala familja li konna hemm għalik u sapportjajnik bl-aħjar mod li stajna. Kont int li għażilt il-ħajja tal-fejqan u ta dan aħna ngħidulek ‘Grazzi’,” kompliet tikteb it-tfajla fil-messaġġ emozzjonali tagħha.

Hija ddeskriviet lill-kantant Fabrizio Faniello bħala persuna totalment ġdida, persuna b’valuri, persuna li tapprezza l-ħajja, u bl-aktar mod persuna soda, persuna lejn il-Mulej. “Nemmen li mexa l-mixja miegħek biex inti għadek għaddej sod aktar minn qatt qabel,” kompliet tgħid it-tfajla.

“Fab għalina dan il-jum ifisser rebħa ta’ ħajja ġdida. Aħna kuntenti għalik u minn qalbi nixtieq li jkollok aktar suċċessi mhux biss f’dak kollu li tagħmel imma fil-ħajja personali tiegħek.”

It-tfajla rringrazzjat lil dawk li mxew il-mixja ma’ Fabrizio biex seta’ jasal s’ahwn u semmiet lil Chris Dalli mill-Caritas, kif ukoll lill-familja tal-kantant, l-omm Anna, il-missier Vincenzo u ħut il-kantant Claudia u Miriana.

“Aħna ngħidulek li nħobbuk u ibqa’ sejjer kif inti! Happy 2nd graduation anniversary” temmet tgħidlu it-tfajla.

Fl-2016 Fabrizio Faniello kien ħareġ ukoll is-silta Fot-Tarf tat-Triq, kanzunetta li tirrifletta dak li kien għadda minnu.

Awguri lil Fabrizio Faniello f’dan il-jum speċjali.