“Li tifred familja agħar mill-qtil”

Aktar minn 3,000 ruħ jiffirmaw il-petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt

Eluf ta’ persuni ngħaqdu flimkien u ffirmaw petizzjoni onlajn li qed titlob lill-Prim Ministru sabiex ma jiddeportax lit-22 tifel u tifla minn Malta. Fi żmien 24 siegħa, il-petizzjoni mnedija minn Newsbook.com.mt ġiet iffirmata minn 3,198 ruħ. Il-petizzjoni, li issa għalqet wara li ntlaħqet il-mira ta’ 3,000 persuna, kellha l-għan li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Maltin biex dawn it-tfal jibqgħu mal-familji tagħhom f’Malta.

Ilbieraħ il-gazzetta The Sunday Times of Malta ppubblikat rapport jgħid li 22 tifel u tifla se jitkeċċew minn Malta peress li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux €19,000 fis-sena flimkien, kif ukoll  €3,800 żejda għal kull tifel u tifla li jkollhom. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dħul mis-sahra jew xi bonus.

L-għexieren ta’ persuni li ffirmaw il-petizzjoni, kellhom l-opportunità li jgħidu għaliex ħassew il-bżonn li jagħmlu dan. Minkejja li l-opinjonijiet kienu varji, l-għan ewlieni kien il-protezzjoni ta’ dawn it-tfal.

Kien hemm min qal li huwa dmir morali li t-tfal jiġu protetti hekk kif dawn ma jistgħux jipproteġu lilhom infushom. Oħrajn qalu li separazzjoni tat-tip se twassal għal trawma psikoloġika kemm għat-tfal, kif ukoll għall-ġenituri.

Kien hemm min staqsa: “Allura jekk dawn ir-regoli finanzjarji japplikawhom fil-konfront tal-familji Maltin, kemm ikun hawn familji li jitħallew jibqgħu jrabbu lil uliedhom?”

Oħrajn sostnew li jekk it-tfal jiġu deportati, il-pajjiż ikun qed jgħaddi messaġġ qawwi li f’Malta l-barranin jiġu esplojtati u li l-benessri tagħhom mhux importanti. Kien hemm min insista li t-tfal għandhom jitqiesu bħala prijorità u qatt ma għandhom jintużaw bħala argument politiku.

Intant, mara mis-Serbja li ilha tgħix Malta mill-2005 u li ffirmat il-petizzjoni qalet li dan ir-raġunar huwa kompletament inġust. Sostniet li dawn in-nies li qed jgħixu Malta telqu minn pajjiżhom sabiex isibu ħajja aħjar. Hi sostniet li ħafna minn dawn it-tfal tilfu l-konnessjoni tagħhom ma’ art twelidhom u kibru bħala tfal Maltin u adottaw il-kultura Maltija.

Oħrajn semmew kif ħafna minn dawn il-persuni jispiċċaw jitħaddmu mingħajr lanqas biss jaqilgħu paga minima, minkejja li jaħdmu sigħat twal daqs ħaddieħor. Sostnew li l-Gvern għandu minflok jara li dawn il-persuni qed jitħallsu kif suppost tax-xogħol tagħhom.

Fost il-mijiet li ffirmaw kien hemm bosta persuni magħrufa, inkluż:

  • il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u r-raġel tagħha Edgar Preca,
  • l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia,
  • il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia,
  • il-Membri Parlamentari Karol Aquilina, Mario Galea, Ryan Callus u Therese Comodini Cachia,
  • il-preżentatur tal-programm il-Pjazza Karl Stagno-Navarra,
  • il-kandidati għal MEPs Arnold Cassola u Cyrus Engerer,
  • id-Dekan għall-Fakultà tal-Edukazzjoni Colin Calleja u
  • d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Andrew Azzopardi

Intant, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li l-liġijiet qegħdin hemm biex jassiguraw li t-tfal ikollhom għajxien diċenti.