​Li tbagħbas l-arloġġ tal-karozza tista’ ssir offiża kriminali

L-MEPs qed isejjħu għall-liġijiet ġodda biex fost l-oħrajn min jinqabad ibagħbas l-arloġġ tal-karozza, jitressaq il-qorti b’akkuża kriminali.
Il-Parlament Ewropew qal li qed jipproponi dan sabiex jitwaqqaf l-abbuż mill-arloġġi li jkejlu d-distanza li tkun instaqet karozza.
Se jiġi propost ukoll li l-qari tal-kilometraġġ tal-vetturi jibda jsir fuq bażi iktar regolari ma’ kull spezzjoni, sabiex jinqabdu dawk li jippruvaw ibagħbsu.
Huwa stmat li bejn 30% u 50%  tal-karozzi użati li jinxtraw fl-Unjoni Ewropea jkollhom l-arloġġ imbagħbas fejn il-bejjiegħ jagħmel hekk biex il-karozza tidher aktar attraenti jekk ikollha kilometraġġ baxx.
L-UE qed tisħaq li iktar miżuri stretti biex jitnaqqas l-abbuż, se jwasslu wkoll għal żieda fil-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fis-suq tal-karozzi użati.
L-MEPs qed jipproponu regoli ġodda li jinkludu reġistri ta’ kilometraġġi għal kull vettura f’kull pajjiż, u li jkun aċċessibbli mill-pajjiżi kollha tal-UE.
Huwa maħsub li din issir liġi fi żmien sena.