“Li tajtha l-basket u rajtha kuntenta kien biżżejjed” – Il-ħaddiem tal-Gozo Channel

Il-qalb tajba fuq il-Gozo Channel li sabet u raddet il-basket b’€2,000 u iPad, ma kienet ħadd ħlief dik ta’ Carmel Buttigieg, baħri ta’ 56 sena min-Nadur.
Carmel irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt, kif malli l-passiġġieri niżlu minn fuq il-vapur, bħas-soltu naddfu l-imwejjed tal-kafetterija. Spjega li kien hemmhekk li ra basket ma’ siġġu.
Qal li bħalma jsir f’każi simili, jekk isibu xi oġġett ittellgħuh fejn il-kaptan, u jżommuh fuq il-vapur għal vjaġġ jew tnejn, u mbagħad jeħduh għand il-pulizija.
Carmel spjega kif f’dan il-każ, il-mara li tilfet l-oġġett ikkomunikat mal-kumpanija u mal-wasla lura lejn iċ-Ċirkewwa, telgħet fuq il-vapur “ippanikjata u kienet tidher taħt xokk.”
Dak il-ħin hu qalilha biex tiċċekkja jekk kienx baqgħalha kollox fil-basket. Minkejja li riedet tagħtih xi ħaġa bħala sinjal ta’ apprezzament, qal li hu ma ried xejn għax kien qed jaqdi dmiru kif suppost.
“Il-ħarsa tagħha kienet biżżejjed. X’ħin rajtha kuntenta, awtomatikament kont kuntent jien,” żied jgħid Carmel.
Temm jgħid li l-aktar ħaġa li apprezza kienu l-aħħar kliem li qaltlu – “God Bless You.”
Min-naħa tagħha, Ina Pavlova, tinsab grata ħafna lejn l-impjegat tal-Gozo Channel, li “bi tbissima kbira fuq fommu” taha l-basket.  Qalet li minkejja li offrewlu somma bħala ringrazzjament, l-impjegat baqa’ jinsisti li ma jistħoqqlux jeħodha u mistħi mistħi niżel l-isfel.