“Li t-tender ġie emendat għalina hija gidba” – Captain Morgan

“Li t-tender ġie emendat għalina hija gidba”. Hekk saħqu s-sidien tal-Captain Morgan li fi stqarrija maħruġa mill-grupp Fortina ċaħdu l-allegazzjonijiet li għamel il-Moviment Graffitti.

Fl-istqarrija tal-lum, il-grupp Fortina indirizza t-tħassib imqajjem mill-NGO lbieraħ li fiha saħqu li l-Gvern deher li kien qed ipoġġi l-interessi tal-familja Zammit Tabona l-ewwel, meta rreveda l-pjanijiet għal fast ferry minflok servizz ta’ hop-on hop-off. Il-familja Zammit Tabona hija s-sid tal-grupp Fortina u Captain Morgan.

Dwar it-tender għat-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex, il-Fortina qalet li t-tender ġie emendat wara proċeduri legali quddiem li nbdew mill-kumpanija quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi.

Fi stqarrija, kelliem għall-grupp Fortina qal li l-istqarrija tal-Moviment Graffitti kienet mimlija gideb u kellha informazzjoni skorretta bl-intenzjoni li tqarraq bil-kumpanija tagħhom.

Stqarru li huwa inaċċettabbli li għaqda li tiftaħar li hija onestà u kredibli tfajjar allegazzjonijiet fil-pubbliku mingħajr ma tivverifikahom.

Dwar l-iffinazjajar tad-dgħajjes għall-immigranti mikrija mill-Gvern mill-Captain Morgan, il-kumpanija tefgħet il-ġebla fuq il-kumpanija l-oħra li ħadet kuntratt simili għal vapur wieħed. Dan minħabba li skont informazzjoni ppubblikata fil-Parlament jidher li Captain Morgan ħadet €3,000 kuljum għal kull vapur, meta kellha 3 filwaqt li l-kumpanija l-oħra ħadet €6,500 għal vapur wieħed.

Filwaqt li qalet li l-Fortina ma titollerax dawn l-istqarrijiet li skont il-grupp “huma mmirati biss biex iħammġu r-reputazzjoni tal-grupp u tirriserva d-drittijiet tagħha fil-liġi biex tieħu azzjoni ulterjuri”, il-grupp Fortina ma kkummentax dwar l-għoti tad-donazzjonijiet lill-Partit Laburista, li l-Moviment Graffitti sejħilhom bħala “rabtiet mill-qrib li għandha l-familja Zammit Tabona mal-klassi politika” u kif “qed iwasslu għal deċiżjonijiet li jiffavorixxu l-interessi kummerċjali tagħha.”