“Li t-tagħlim kollu jsir online mhux fl-aħjar interess tal-istudenti” – Il-Ministeru

Miguela Xuereb

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni huwa kontra li t-tagħlim isir kollu online, għaliex jemmen li dan mhuwiex fl-aħjar interess tal-istudenti.

Il-Ministeru spjega lil Newsbook.com.mt li fiċ-ċirkustanzi ta’ pandemija li qegħdin ngħixu fihom, is-sistema ta’ tagħlim imħallat b’lezzjonijiet online u oħrajn fil-klassi hi l-aħjar soluzzjoni għall-istudenti li jattendu skejjel postsekondarji u terzjarji.

Il-ġimgħa li għaddiet, Newsbook.com.mt irċieva xi korrispondenza anonima mingħand studenti fl-iskola Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar, li lmentaw dwar is-sitwazzjoni fl-iskola, bit-tir li jissemma’ leħinhom sabiex it-tagħlim jibda jsir kollu online.

Fost l-ilmenti kien hemm dwar problemi bil-konnessjoni tal-internet li jċaħħdu lill-istudenti milli jsegwu l-lekċers online, soqfa jqattru, studenti bilqiegħda fil-kurituri ħdejn xulxin, u żieda ta’ lekċers fil-klassijiet minflok online.

B’reazzjoni għal dawn l-ilmenti, il-Ministru tal-Edukazzjoni rrefera lil Newsbook.com.mt għal riċerka li saret minn żewġ lekċerers tal-istess skola li tindika li l-istudenti jbatu meta t-tagħlim ma jsirx fil-klassi.

“Għalhekk għandna obbligu lkoll li l-lezzjonijiet isiru kemm jista’ jkun fil-klassi.  Fejn xi lezzjonijiet ma jkunux possibbli li jsiru fil-klassi minħabba l-ammont kbir ta’ studenti, allura hemmhekk m’hemmx għażla oħra li jsiru online,” qal il-Ministeru.

Rigward xi każijiet ta’ Covid-19 li jaf ifeġġu fl-iskola, il-Ministeru qal li minkejja li minn żmien għal żmien jitfaċċaw xi każijiet fl-iskejjel, dawn huma mħarrġin dwar xi protokolli għandhom jintużaw meta dan iseħħ.

Dwar il-konnettività tal-internet, ingħad li ttieħdu l-miżuri kollha biex din tittejjeb fil-Higher Secondary. Apparti dan, ġiet impjegata uffiċjal tas-sigurtà apposta li tara li l-istudenti ma jkunux bilqiegħda mal-art, u anke biex jittieħdu passi kontra studenti u ħaddiema li jkunu bla maskri.

Taqbel li t-tagħlim ma jsirx kollu online?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt