​“Li ntqal fuq Daphne ma jintqalx fuq bloggers irġiel”

L-Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt u RTK 103FM Sylvana Debono saħqet li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien sinifikati minħabba li ħallset prezz għall-kapaċitajiet tagħha, mhux biss b’ħajjitha, imma wkoll waqt ħajjitha.
Saħqet li Caruana Galizia kienet attakkata bla heda u deumanizzata, għax kienet mara. Insistiet li dak li ntqal fuqha ma jsirx fuq bloggers irġiel.
Sylvana Debono kienet qed titkellem waqt diskussjoni organizzata mil-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew dwar in-Nisa fil-Midja u l-Politika, li matulha kien hemm qbil li s-sehem tan-nisa f’dawn l-oqsma kien għadu batut ħafna.
F’diskussjoni mmexxija mill-ġurnalista u l-Editor-in-Chief ta’ The Malta Independent Rachel Attard, il-panel ġie mistoqsi dwar ir-rilevanza tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għal nisa li jaspiraw li jsiru ġurnalisti. 
Il-Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Carmen Sammut fakkret li s-sena d-dieħla se jkun l-għeluq tal-100 sena minn mindu l-ewwel żewġ nisa, Tessie Camilleri u Blanche Huber daħlu l-Università. Qalet li minkejja nisa li kienu uniċi fi żmienhom bħal Agata Barbara, l-għadd ta’ nisa Maltin fil-midja u l-politika baqa’ baxx.
Din il-fehma kienet espressa ukoll kemm mill-panel magħmul minn 4 Membri Ewroparlamentari, Roberta Metsola, Miriam Dalli, Francis Zammit Dimech u Marlene Mizzi, kif ukoll minn Sylvana Debono.
L-MEPs ilmentaw li s-sistema politika f’Malta ftit li xejn qed tagħmel biex tippromwovi aktar parteċipazzjoni femminili u bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel, kemm fil-politika kif ukoll fil-midja. Huma wrew fehmiet differenti dwar forom ta’ għażliet preferenzjali favur in-nisa, min favur u min jaċċettahom għax ma jistax jagħmel mod ieħor.
Spikkat kontribuzzjoni minn wieħed mill-ftit, relattivament irġiel li kien hemm fl-udjenza li qal li waħda mir-raġunijiet li għalihom la nisa u lanqas irġiel m’huma qed jidħlu għall-politika hi n-nuqqas ta’ rispett uman fil-ħajja pubblika.