“Li rigal jiġi reċiprokat mill-politiku mhix ġustifikazzjoni” – Kummissarju tal-Istandards lil Azzopardi

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler qal li l-fatt li Jason Azzopardi rreċiproka l-ospitalità f’Tel Aviv b’rigal tal-fidda ma tfissirx li jikkanċella r-rigal mogħti lid-deputat. B’hekk, ir-rigal reċiproku ma jeżentax lil Azzopardi mid-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

Hyzler żied jgħid li l-fatt li Jason Azzopardi poġġa lilu nnifsu kompletament għad-diżpożizzjoni tiegħu hija superfluwa. Dan għax hija l-liġi li tpoġġih taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kummissarju.

Il-Kummissarju kien qed jirreferi għall-istorja li ppubblikat l-Illum nhar il-Ħadd, li żvelat li Azzopardi aċċetta offerta ta’ George Fenech mit-Tumas Group li jħallaslu l-kont tal-lukanda f’Tel Aviv meta mar hemmhekk għal tieġ. Azzopardi qal li mal-wasla tiegħu f’Malta, mar xtara rigal mingħand ħanut tal-fidda u ħallih fir-reception tal-uffiċċju ta’ Ray Fenech.

Azzopardi sostna li tant hu ċert li ma kisirx regoli t’etika, li bagħat email lill-Kumissarju biex jinvestiga l-każ. Sostna li jekk il-liġi twaqqaf il-Kummissarju milli jinvestiga każijiet qabel ma’ l-Uffiċċju beda jopera, jagħti l-permess biex il-Kummissarju jinvestigah xorta.

Il-Kummissarju qal li qed jagħmel l-osservazzjoni tiegħu fuq il-każ independentament minn jekk hux minnu jew le li Azzopardi rreċiproka l-ospitalità b’rigal.

Intant, Azzopardi informa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista bid-deċiżjoni tiegħu sabiex jitlob lill-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media Soċjali tinvestigah. B’effett immedjat, Dr Azzopardi qabel li ghandu jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u mix-shadow cabinet, li fih jokkupa l-kariga ta’ Kelliem għall-Oppożizzjoni fuq il-Ġustizzja, sakemm tintemm din l-investigazzjoni.