“Ir-riżenji mhux fuq il-pariri ta’ Louis Galea”

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stqarr li r-riżenji fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem ma sarux fuq il-pariri ta’ Louis Galea. Dr Galea, li bħalissa qed imexxi r-riforma fil-PN, il-ġimgħa li għaddiet talab li jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-PN biex fl-iqsar żmien possibbli jagħżel tim ġdid tat-tmexxija.

Fl-aħħar ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ra r-riżenji ta’ Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali, Robert Arrigo qal li se jirriżenja mill-kariga ta’ Viċi Kap, filwaqt li Clyde Puli rriżenja minn Segretarju Ġenerali.

F’intervista waqt Dissett fuq TVM, Delia spjega li r-raġunijiet tar-riżenji kienu ċari u li kieku fuq il-parir ta’ Louis Galea ma kienx ikollhom għalfejn jirriżenjaw, għax se jkun hemm elezzjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin. Jemmen li b’din ir-riforma, li sejjaħ għal darba oħra revoluzzjoni, il-Partit Nazzjonalista se jkollu tim aktar inklussiv.

Mistoqsi dwar jekk il-pożizzjoni tiegħu hix tenibbli, Dr Delia rrimarka li hu tela’ mit-tesserati u għaldaqstant bi proċess demokratiku. Insista li kap ta’ partit m’għandux jibbaża l-futur tiegħu fuq survey. Filwaqt li stqarr li hu tajjeb li wieħed jinterpreta dak li jgħidu s-surveys, wieħed għandu jisma’ wkoll xi jrid il-poplu Malti u Għawdxi, qabel jieħu d-deċiżjonijiet.

“Li qed jiġri juri li l-PN għadu relevanti”

Delia saħaq li tajjeb li n-nies iridu jkunu jafu dwar il-Partit Nazzjonalista, “għax ifisser li l-PN għadu ħaj internament u għadu relevanti”.

F’intervista waqt Dissett fuq TVM, mistoqsi dwar jekk il-pożizzjoni tiegħu hix tenibbli, Dr Delia rrimarka li hu tela’ mit-tesserati u għaldaqstant bi proċess demokratiku. Insista li kap ta’ partit m’għandux jibbaża l-futur tiegħu fuq survey. Filwaqt li stqarr li hu tajjeb li wieħed jinterpreta dak li jgħidu s-surveys, wieħed għandu jisma’ wkoll xi jrid il-poplu Malti u Għawdxi, qabel jieħu d-deċiżjonijiet.

“Irridu nuru li rridu nservu mhux nikkmandaw”

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhux eroj irid, imma “rridu nuru li rridu nservu u mhux nikkmandaw”. Saħaq li hu jemmen li fil-politika ma tridx issikket lin-nies, imma tipperswadihom. Hu konvint li meta jkollok għan tista’ tipperswadi lil kull min hu ta’ rieda tajba.

Irrimarka li l-Partit Nazzjonalista għadu ma sabx saqajh fl-Oppożizzjoni wara li għamel 25 sena fil-Gvern. “Il-messaġġ tan-nies hu li l-PN għadu ma nbidilx biżżejjed, allura rridu nsibu l-mod kif nirriformawh”, żied jgħid Delia. Saħaq li mhux ikun rasu iebsa: “Minn min trid tisma’? Mill-ftit, mill-ħafna jew minn min tak il-mandat?” staqsa Delia filwaqt li tenna li wieħed ikun qed jirredikola lill-PN jekk imur lura għall-vot tal-Kunsill Ġenerali.

“Mhu se jsibu xejn kontrija”

Mistoqsi dwar l-investigazzjoni dwaru mill-Pulizija dwar allegat ħasil ta’ flus, Delia tenna li wara tliet snin hu għadu ma jaf xejn u ma kellmu ħadd. Stqarr li hu trankwill għax m’hemm xejn li wieħed jista’ jsib kontrih, la f’Malta u lanqas barra minn Malta.

Kemm-il darba waqt l-intervista, Adrian Delia semma diversi suġġetti li ma kinux marbuta man-natura tal-intervista, fost l-oħrajn dwar l-investigazzjoni fis-Sezzjoni tat-Traffiku tal-Pulizija, il-ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija, u dwar il-korruzzjoni u l-kriżi politika li wasslet għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.

X’qed jgħidu wħud mill-MPs Nazzjonalisti?

It-tim tal-produzzjoni tal-programm staqsa xi Membri Parlamentari dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-Partit Nazzjonalista.

Herman Schiavone qal li kulħadd qed jara li jgħin is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kif jaħseb li hu l-aħjar. Filwaqt li ammetta li l-Partit Nazzjonalista bħalissa jinsab għarkopptejh, insista li hemm bżonn sforz kollettiv “biex nimxu ‘l quddiem”.

Robert Arrigo stqarr li hu ma vvutax għal Adrian Delia, u li ħa ħsieb it-trasport ta’ 400 persuna biex jivvutaw lil ħaddieħor. Madanakollu qal li “l-irġulija tgħidlek li la hemm kap, dak hu l-kap”.

Ivan Bartolo jemmen li Adrian Delia għandu jagħmel sal-mandat tiegħu.

X’jaħsbu n-nies dwar Delia?