“Li l-Gvern jagħżel meta tintemm l-inkjesta hu ksur tal-indipendenza tagħha” – Omtzigt

Pieter Omtzigt qal li l-Gvern Malti jkun qed jikser l-indipendenza li suppost għandha l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jekk jagħżel hu meta tintemm din l-inkjesta, irrelevanti minn jekk ikunux intlaħqu l-għanijiet tagħha jew le.

Dan qalu f’ittra oħra li bagħat lill-Prim Ministru Robert Abela fuq il-kwistjoni. Oriġinarjament, ir-Rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq l-assassinju tal-ġurnalista Maltija kiteb ittra lil Abela fit-3 ta’ Settembru. Abela wieġbu fit-8 ta’ Settembru u l-ittra tal-lum tkompli din il-korrispondenza.

Fl-ittra tiegħu, Omtzigt għamilha ċara li hu ma jaqbilx mar-raġunament tal-Prim Ministru dwar it-termini ta’ referenza tal-inkjesta. Akkuża lill-PM li kkwota ħażin it-termini ta’ referenza meta qal li l-inkjesta għandha limitu ta’ disa’ xhur.

Omtzigt fiehmu li t-termini ta’ referenza għandhom jiġu interpretati skont il-kuntest. Li kieku kien hemm limitu ta’ żmien għall-inkjesta, dan imur kontra l-kliem li l-inkjesta għandha tfittex li toħroġ il-verità, qal Omtzigt. Fil-fehma tiegħu, id-data ta’ skadenza hija flessibbli, u tiddependi minn jekk ikunux intlaħqu l-għanijiet tal-inkjesta.

Apparti dan, sostna Omtzigt, ladarba l-Gvern huwa s-suġġett tal-inkjesta billi din trid tiddetermina jekk l-Istat setax għamel xi ħaġa biex jipprevjeni l-assassinju, ma jistax ikun il-Gvern li jiddeċiedi meta tispiċċa l-inkjesta. Għandu jkun il-Bord tal-Inkjesta nnifsu li jiddetermina li t-termini ta’ referenza jkunu ntlaħqu.

Kliem Omtzigt huwa simili ta’ dak li qalet Repubblika lbieraħ meta insistiet li hi se tibqa’ tiġġieled għall-indipendenza tal-inkjesta, minkejja l-allegat indħil tal-Gvern.

Fil-jiem li għaddew, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield qal li l-inkjesta qed tiġi politiċizzata. Huwa ġie kritikat ta’ kliemu, u fis-seduta tal-lum, il-Bord tal-Inkjesta inkluda dak li qal Bedingfield mal-provi fl-inkjesta.