“Li jwarrbu n-nies mill-Partit mentalità żbaljata” – Peter Agius

L-eks kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius tkellem dwar il-bidla meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista, u qal li għandu mentalità żbaljata min jgħid li għandhob jitwarrbu xi nies mill-Partit.

F’kitba fuq Facebook, Agius elenka tliet punti għal riforma ħawtiela fil-Partit. Ewlenija fosthom hija l-bidla, iżda skontu, din il-bidla ma tridx issir billi jitwarrbu xi nies, imma billi jintużaw il-kapaċitajiet ta’ kull persuna.

Apparti dan, Agius semma kif il-PN jeħtieġ li jimxi lil hinn mit-tmaqdir tal-Partit Laburista, u minflok juri kif inhu aħjar minnu. Spjega li, “L-Oppożizzjoni tajjeb li turi fejn il-Gvern qed jiżbalja, iżda fil-kuntest tal-iżviluppi riċenti fil-Partit Laburista, jeħtieġ noħorġu aktar ċar kif aħna kapaċi nagħmlu aħjar mill-PL.”

It-tielet punt li saħaq fuqu Agius hu li hemm bżonn li l-PN jattira lejh nisa u rġiel li lesti jiddedikaw it-talenti tagħhom għall-ġid tal-poplu. Stqarr li minn dak li jisma’ mingħand in-nies, ħafna huma tal-fehma li l-politiċi spiċċaw jitkellmu fuqhom infushom u l-eċċessi tagħhom minflok fuq kif il-politika tista’ ttejjeb ħajjet in-nies. Qal li jħoss li dan għandu jinbidel biex aktar persuni kapaċi jitħajru joħorġu għall-politika.