Li jingħalaq l-ajruport mhux soluzzjoni – PM

MHRA & Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa' mar-rappreżentanti tal-MHRA f'konsultazzjoni ta' qabel il-baġit 2021- Ritratt: DOI -Clodagh Oneill

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, li jingħalaq l-ajruport mhux soluzzjoni iżda huwa kruċjali li jkun hemm rapid testing u jiżdiedu l-persuni li jaslu Malta li għandhom test negattiv għall-Covid-19. Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt laqgħa mal-Assoċċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA).

Kompla li huwa kruċjali li jiġu nfurzati r-regolamenti minkejja li ħadd ma jieħu pjaċir bl-infurzar. Abela żied li l-infurzar isarraf biex s-setturi jibqgħu miftuħin u Malta toħroġ minn dan il-perjodu b’suċċess.

L-għan ta’ din il-laqgħa kien li jkun hemm konsultazzjoni mal-assoċċjazzjoni relatata mal-Baġit 2021. Il-Prim Ministru qal li filwaqt li jifhem l-ilmenti tas-sidien tal-bars minħabba r-restrizzjonijiet li jinsabu fis-seħħ. Dawn jgħinu biex ikun hemm suċċess. Abela appella biex kulħadd jilbes il-maskri sabiex ikun ikontrollata r-rata ta’ infezzjonjiet.

Il-Prim Ministru Abela appella biex ikun hemm bilanċ u l-miżuri mhux se joħonqu l-pajjiż iżda jippreservaw l-aħjar setturi ekonomiċi fil-Gżejjer Maltin. Abela appella biex il-pajjiż ikompli fir-ritmu li qabad biex għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra Malta rnexxielha żżomm ir-rota ekonomika għaddejja.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li l-pajjiż għandu sfidi kbar u jinsab fiduċjuż li bi sforz kollettiv jistgħu jingħelbu. Zahra radd ħajr lill-gvern għall-għajnuna li estenda lis-settur turistiku u rringrazzja wkoll lill-frontliners f’kull qasam biex il-pajjiż seta’ jibqa’ għaddej.