“Li għamilt għamiltu għall-għaqda, mhux b’pika” – Bonnici dwar il-mafkar

Il-Ministru Owen Bonnici qal li kull deċiżjoni li ħa b’rabta mal-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħadha biex ikun hawn l-għaqda f’Malta, u mhux b’pika.

Dan il-kliem qalu lill-ġurnalisti llum, jum wara li l-Qorti sabitu ħati li kiser id-dritt għal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta darba war’oħra, huwa ordna li l-mafkar għall-ġurnalista jitnaddaf minn fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta.

Bonnici spjega li l-prijorità tal-Gvern hija l-monument tal-Assedju l-Kbir li sar mill-iskultur Antonio Sciortino. Qal li dan il-monument irid jitħares u fl-aħħar mill-aħħar, irid jibqa’ tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Semma kif il-mafkar tal-ġurnalista saħansitra wassal biex kien hemm xi tensjoni fit-triq, u kien hemm min spiċċa l-isptar minħabba xi kwistjonijiet li nqalgħu.

Filwaqt li qal li jbaxxi rasu għal dak li qalet il-Qorti, l-eks Ministru għall-Ġustizzja stqarr li l-Qorti stess qalet li d-dritt tal-espressjoni għandu jkun illimitat sabiex jitħares il-monument. Assigura lill-ġurnalisti li l-pika m’għandhiex x’taqsam. Dan filwaqt li fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti semmiet il-kelma “pika.”

Fil-ġudizzju, il-Qorti nfisha qalet illi t-tnaddif kien metodu ta’ xkiel u impediment li qatt missu kien, li l-post “iddawwar fi strument ta’ firda, li m’għandu qatt ikun.”

Waqt konferenza stampa li saret quddiem il-Qorti lbieraħ, l-attivist Manuel Delia tkellem f’isem Repubblika u dwar il-pożizzjoni ta’ Owen Bonnici bħala Ministru, qal li din m’għadhiex tenibbli, speċjalment għax issa bħala Ministru tal-Edukazzjoni, huwa responsabbli li jrawwem ġenerazzjoni ta’ ċittadini konxji mid-drittijiet tagħhom.

“Owen Bonnici jrid jitlaq” – Manuel Delia

Fi stqarrija li ħareġ Delia dwar il-kummenti tal-Ministru llum, huwa qal li mhux minnu li li għamel Bonnici għamlu b’intenzjonijiet tajbin, ladarba l-Qorti sabitu ħati. Huwa tenna li Bonnici ordna li jitnaddaf il-mafkar biex jiżra’ l-firda fil-pajjiż. Delia sostna li l-ġudizzju li ħarġet il-Qorti jgħid l-oppost ta’ dak li qal Bonnici lill-midja llum.

“Owen Bonnici għandu jitlaq,” temm jgħid l-attivist, li saħaq fuq kif Bonnici qed jgħid li l-istituzzjonijiet jaħdmu u fl-istess waqt qed imeri d-deċiżjoni tal-Qorti billi jgħid li jemmen li hu ħa d-deċiżjoni t-tajba f’dak il-waqt.

“Il-Prim Ministru kien jaf li Bonnici kien qed jikser il-liġi?” – Delia

Il-Prim Ministru Robert Abela qal lil Newsbook.com.mt li ma jarax għaliex Owen Bonnici għandu jirreżenja minn Ministru jew għaliex għandu jitkeċċa. Qal ukoll li huwa ordna li l-mafkar ma jitnaddafx għax antiċipa d-deċiżjoni tal-Qorti.

Manuel Delia stqarr li l-antiċipazzjoni tal-Prim Ministru fuq il-każ hija inkwetanti għax tqajjem dubji fuq jekk ġietx żvelata informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Imħallef lill-Prim Ministru qabel ma nstemgħet l-aħħar seduta tal-każ. Jekk mhux hekk, skont Delia, mela Abela kien jaf li l-Ministru Bonnici kien qed jikser il-liġi.

Il-Gvern ħabbar li mhuwiex se jappella d-deċiżjoni tal-Qorti.

Abela, fl-ewwel ġimgħa tiegħu fil-kariga, talab biex il-mafkar tal-ġurnalista ma jintmessx, u fil-fatt hekk sar. Bonnici, meta mistoqsi fuq il-mafkar wara l-ordni ta’ Abela, qal li l-mafkar issa m’għadux responsabbiltà tiegħu u jħalli f’idejn min hu responsabbli għalih.