Read in English.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li jissorprendi ruħu dwar kif qed titmexxa l-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Spjega li għandu d-dubji tiegħu dwar kif dak li ġara fil-Partit Laburista fis-snin imgħoddija se jgħin biex tinstab il-verità wara l-qtil.
Fuq Facebook, Sant fisser li għalih li qed isegwi “minn barra,” id-diskors qed jinżamm fuq kwistjonijiet li “ftit għandhom relevanza għall-għanijiet tagħha.” Semma pereżempju dak li ġara fil-PL tul is-snin jew l-irwol tan-negozjanti fit-tmexxija tal-PL.
Skontu, meta l-inkjesta tidħol f’suġġetti bħal dawn, ma tkunx qed iżżomm mas-suġġett. Staqsa jekk kienx dan l-għan li kien hemm talba qawwija biex issir din l-inkjesta.
Fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jixhdu għadd ta’ eks Kummissarji tal-Pulizija dwar is-sigurtà provduta mill-Korp lill-ġurnalista. Xehed ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia li fix-xhieda tiegħu spikka l-fatt li qal li hu u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma kienu jinġiebu.
Tkellem ukoll fuq in-negozjant Sandro Chetcuti, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, u qal li lil dan sikwit kien jarah fir-raba’ sular tal-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista. Fix-xhieda li ta fl-aħħar seduta, Chetcuti ċaħad li qatt kellu uffiċċju fil-Kwartieri u qal li tela’ fir-raba’ sular biss dakinhar tal-elezzjoni. Żied jgħid li Joseph Muscat kien talbu jgħinu billi jiffaċilita l-laqgħat bejnu u bejn in-negozjanti.