Li ftaħt kumpanija fil-Panama diġà ħażin biżżejjed – Di Pietro lil Mizzi

L-eksprosekutur Taljan kontra l-korruzzjoni Antonio Di Pietro qal ma’ Newsbook.com.mt li l-fatt li l-Ministru Konrad Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama diġà ħażin biżżejjed.
F’kumment esklussiv ma’ Newsbook.com.mt, l-eksmaġistrat qal li kieku kien għadu bl-irwol ta’ prosekutur pubbliku, kien jistaqsi lill-Ministru Mizzi għaliex fetaħ il-kont.
Dr Di Pietro kompla jistaqsi jekk il-Ministru fetaħx il-kont għax ried li jitfa xi ħaġa fih jew jekk fetħux wara li ried ineħħi xi ħaġa. Ikkonkluda l-kumment tiegħu billi qal li ma jinteressahx li ma hemm xejn fil-kont għax il-fatt hu li l-kont ġie miftuħ.
Huwa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar il-validità tal-argument li qed juża l-Ministru Mizzi meta mistoqsi fuq il-kumpanija li fetaħ fil-Panama, fejn jgħid li minkejja li fetaħ il-kumpanija m’għamilx użu minnha.
Di Pietro kien wieħed mil-kelliema tad-demostrazzjoni li saret nhar il-Ħadd waranofsinhar fil-Belt Valletta.
Huwa qal li Malta mhix stat mafjuż bħall-Italja, imma stat li qed jiġi maħkum mill-mafjużi u għaldaqstant wissa biex Malta tneħħi t-tuffieħ imnawwar min-nofs.