“Li fetaħ kumpanija lil Konrad Mizzi qed jinvestiga l-konkrit ta’ Mater Dei”

L-istess persuna li fetaħ il-kumpaniji għal Konrad Mizzi fil-Panama qiegħed ukoll fuq il-bord t'inkjesta dwar il-każ tal-konkrit ta’ Mater Dei.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna dan waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Birkirkara.
Busuttil sostna li l-inkjesta hija "falza" u qal li ma jistax ikollu fiduċja fiha għax Karl Cini, il-partner ta’ Nexia BT, qed ifittex l-interessi personali tal-Ministru Mizzi minflok tal-pajjiż.
B’ton imqanqal, Busuttil semma’ l-aħbarijiet internazzjonali li qed ikomplu jikxfu aktar informazzjoni dwar il-każ tal-Panama.
Dalgħodu, aġenzija tal-aħbarijiet fl-Awstralja qalet li Karl Cini prova jiftaħ kumpanija fil-Panama ħamest ijiem biss wara li l-PL rebaħ l-elezzjoni tal-2013.
Appella lil dawk il-votanti bla partit biex ifittxu lil min hu onest fil-politika u mhux jitilfu l-interess fil-politika “għax ikun hemm min iħawwad”.
Qal li l-messaġġ kontra l-korruzzjoni mhux messaġġ partiġjan imma hu messaġġ nazzjonali u għalhekk appella lil dawk preżenti biex illejla jattendu għad-dimostrazzjoni Nazzjonali quddiem Kastilja.
Tenna li hemm biżżejjed affarijiet li juru li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jitkeċċew filwaqt li minflok jieħu d-deċiżjonijiet għal ġid tal-pajjiż, il-Prim Minsitru, qed jieħu ħsieb l-interessi personali tiegħu.