Li Deputat jista’ jitlef is-siġġu b’dikjarazzjoni falza ilha fil-liġi – Franco Debono

L-eks Deputat Nazzjonalista, l-Avukat Franco Debono jinsab sodisfatt li l-Gvern Laburista uża l-abbozz li kien ippreżenta fil-Parlament bħala l-bażi tal-liġi preżenti għall-finanzjament tal-partiti politiċi.
Debono qal li l-private members’ bill dwar il-finanzjament tal-partiti kien il-qofol tal-kampanja tiegħu biex pajjiżna ma jibqax l-uniku pajjiż fl-Ewropa mingħajr liġi li tirregola l-mod kif jingħataw id-donazzjonijiet u jaslu l-fondi għand il-partiti.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk hux demokratikament korrett li politiku li jonfoq iktar milli stabbilit fil-liġi jista’ jitlef is-siġġu, Franco Debono qal li dan il-kunċett ilu jifforma parti mil-liġi.
Saħaq li l-kunċett li Deputat elett jitlef is-siġġu jekk jagħmel dikjarazzjoni falza hija parti mill-Electoral (Polling) Ordinance, fil-Kapitlu 102 tal-Liġijiet ta’ Malta u għalhekk dan il-prinċipju ilu stabbilit u aċċettat.
Enfasizza li l-liġi tal-Gvern qed tibni fuq dan il-prinċipju u tipproponi dispożizzjoni ad hoc fil-Kostituzzjoni b’mekkaniżmu maħluq apposta biex min jonfoq iktar milli permess jew jagħmel dikjarazzjoni falza jirriskja li jitlef is-siggu.
Franco Debono qal li din hija xi ħaġa pożittiva.
Newsbook.com.mt staqsa wkoll dwar it-tħassib ta’ partiti żgħar li l-liġi ġiet imfassla biex takkomoda l-partiti l-kbar, Franco Debono qal li l-pajjiż jinsab lest għal proċess ta’ riforma Kostituzzjonali wiesgħa inkluż permezz tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali.
Dan jinkludi riformi fil-liġi elettorali u liġijiet oħra li jsaħħu t-tħaddim tad-demokrazija.  
Franco Debono irringrazzja lil kull min ipparteċipa u ta l-kontribut tiegħu fid-diskussjoni u l-konsultazzjoni pubblika speċjalment lill-partiti politiċi kollha u soċjetà ċivili, li wasslet għall-abbozz li se jiġi ppreżentat fil-Parlament.