Li binti protetta importanti iktar milli nsegwi konverżazzjoni – mara nieqsa mis-smigħ

Il-maskri joħolqu inkonvenjent għal persuni neqsin mis-smigħ; imma neċessità

Mara li hija nieqsa mis-smigħ u għandha bintha vulnerabbli sostniet li l-protezzjoni ta’ bintha mill-coronavirus permezz tal-ilbies tal-maskri huwa iktar importanti milli tkun parti minn konverżazzjonijiet.

Annabelle Xerri, li hija l-President tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, ippubblikat post fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook A Silent World fejn appellat lill-pubbliku sabiex jara li jilbes il-maskri. Dan hekk kif il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ħabbar li l-ilbies tal-maskri se jkun mandatorju l-ħin kollu, ħlief fid-djar privati u meta wieħed ikun fil-karozza privata tiegħu waħdu.

Xerri, li hija nieqsa mis-smigħ, spejgat li l-ilbies tal-maskri huwa sfida kbira għall-komunità ta’ persuni neqsin mis-smigħ. Qalet li minħabba li l-ħalq ikun mgħotti, ikun aktar diffiċli li jikkomunikaw u jkunu parti minn interrazzjonijiet soċjali għax ma jkunux jistgħu jaqraw ix-xuftejn.

Qalet iżda li tirrikonoxxi l-importanza li f’dan iż-żmien, bin-numri ta’ każi ġodda ta’ coronavirus dejjem tilgħin, l-ilbies tal-maskri huwa importanti.

Hi spjegat li bintha għandha kundizzjoni medika li tagħmilha vulnerabbli. Sostniet li huwa ħafna aktar importanti għaliha li bintha tkun protetta, milli hi tkun parti minn konverżazzjoni. Qalet li issa qed tikkomunika ħafna inqas, ma tafx dwar xiex qed jidħku l-persuni ta’ madwarha u m’għandha l-ebda idea x’ikunu qed jgħidulha l-ħaddiema fil-ħwienet.

Irrimarkat kif li titħalla barra minn konverżazzjonijiet kienet xi ħaġa li diġà kienet tgħaddi minnha anke qabel ma l-maskri ma kienux parti mill-ħajja ta’ kuljum. B’hekk, kulħadd jista’ jimmaġina kemm issa, is-sitwazzjoni tagħha ġiet aktar diffiċli f’dan l-aspett.

“Imma issa nħossni iktar komda noħroġ barra. Binti hija aktar sikura, u bħalha ħafna persuni oħrajn li huma vulnerabbli,” qalet Xerri.

Spjegat li meta jkun neċessità li tifhem lil xi ħadd jitkellem, titlobhom iniżżlu l-maskra u jitbiegħdu distanza sikura minn xulxin. Dan filwaqt li hi tibqa’ liebsa l-maskra tagħha. “Li wieħed jagħmel sinjali, jipponta jew jikteb dak li jkun qed jgħid huma ta’ għajnuna kbira,” irrimarkat Xerri.

Insistiet li lanqas għaliha ma hu pjaċevoli l-fatt li d-dinja kollha spiċċat trid tilbes il-maskri, imma mhux qed tilmenta, għax taf li bħalissa n-neċessità tirrikjedi dan.

“Ilbsu l-maska. Jekk tobgħodha, bħala persuna nieqsa mis-smigħ, nista’ ntik 101 raġuni validi għaliex jien nobogħdha aktar minnek. Jekk inti ma tibżax mill-pandemija, żomm f’moħħok lil dawk il-persuni vulnerabbli,” temmet tgħid Xerri.

Wearing a mask has become mandatory in Malta and Gozo. From the moment we step outside our home, we have to wear a mask…

Posted by A Silent World on Sunday, October 18, 2020