Lezzjonijiet neqsin fuq Teleskola: “Qegħdin jiġu rrekordjati” – Il-Ministeru

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li qegħdin jiġu rrekordjati aktar lezzjonijiet għal fuq is-sit elettroniku Teleskola, b’mod partikolari tas-suġġetti ewlenin, bħall-Malti, l-Ingliż u l-Matematika.

Dan qalu l-Ministeru lil Newsbook.com.mt b’reazzjoni għall-ilmenti ta’ xi ġenituri li hemm nuqqas ta’ lezzjonijiet fuq is-sit Teleskola, li l-istudenti li mhumiex jattendu l-iskola minħabba l-Covid-19 qegħdin jiddependu fuqhom.

Il-Ministeru spjega li huwa ħareġ sejħa fost l-għalliema għal aktar minn darba biex jiġu rrekordjati l-lezzjonijiet kollha tas-suġġetti u s-snin kollha. Qal li l-lezzjonijiet bdew jiġu rrekordjati immedjatament u s’issa ttellgħu aktar minn 1,500 lezzjoni.

L-irrekordjar għadu għaddej, u bħalissa qegħdin jiġu ffilmjati lezzjonijiet għal dawn is-snin fis-sekondarja:

  • Matematika: għas-snin kollha minn Year 7 sa 11
  • Fiżika: għas-snin kollha minn Year 9 sa 11
  • Malti: għal Year 9 u 10
  • Ingliż (lingwa): Year 9
  • Ingliż (letteratura): Year 9, 10 u 11

Apparti dawn is-suġġetti ewlenin, qegħdin jiġu ffilmjati lezzjonijiet għas-snin kollha ta’ dawn is-suġġetti: Accounting, Agribusiness, Bijoloġija, Business Studies, Computing, Fashion & Textiles, Ġografija, Graphical Communication, Health & Social Care, Hospitality, Media Literacy, PE, PSCD, Reliġjon, Retail, Xjenza, u Studji Soċjali.

Is-sit elettroniku Teleskola tnieda mill-Ministeru għall-Edukazzjoni f’April li għadda sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jaċċessaw il-lezzjonijiet online, partikolarment minħabba li l-iskejjel għalqu ħesrem f’Marzu li għadda minħabba l-imxija tal-coronavirus. Is-sit għandu jkollu lezzjonijiet provduti għall-istudenti kollha, minn dawk fil-kindergarten sa dawk fil-Form 5.

Il-Ministeru ddeskriva l-proġett ta’ Teleskola bħala “proġett kbir u sabiħ ħafna li minnu qed joħroġ ħafna ġid.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni fil-Parlament
Wieħed minn kull erbat itfal mhux imorru skola