Aġġornata bir-ritratti: Ikħal għall-awtiżmu

Ikħal għall-awtiżmu
Kull min jidħol il-Belt filgħaxija f’dawn il-jiem, se jinnota li l-bini tal-Parlament Malti ngħata l-kulur ikħal. Dan qed isir biex jitfakkar il-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Awtiżmu.
Saret ukoll ċerimonja li ġiet indirizzata mis-Sinjura Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru u Chairperson ta’ Marigold Foundation.
Tkellem ukoll l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, li fakkar lil dawk preżenti li nhar it-Tnejn 4 ta’ April, il-Parlament Malti se jiddiskuti l-abbozz biex jipprovdi t-tisħiħ tal-ħajja tal-persuni fi ħdan il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Saħaq li l-poplu għandu jkun ġeneruż u solidali f’din il-kawża favur ħajja aħjar għal dawn il-persuni u l-familjari tagħhom.

Il-Knisja wkoll tfakkar fl-awtiżmu
F’din l-okkażjoni, l-Knisja wkoll ħarġet stqarrija bit-tema “Ħallieqa u Xhieda tas-Sewwa”. Fiha ssemmi kif ħafna drabi, il-ħidma iebsa ta’ kuljum, id-diżappunti, is-solitudni u l-ansjetà dwar il-ġejjieni jistgħu jirbħu fuq it-tama.
Il-Knisja tispjega li t-tama nisranija, kif qal il-Papa Franġisku, mhijiex sempliċiment xewqa jew rieda iżda stennijja ferventi, imqanqla mill-misteru tal-imħabba t’Alla.
Dawk li jinstab li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu, jaħsbu li se jsibuha diffiċli  biex jiġu aċċettati mingħajr mistħija jew inkella jibżgħu li jispiċċaw jingħalqu fihom infushom. Madankollu l-Knisja qed issejħilna biex nemmnu f’Alla li qatt ma jabbanduna lil dawk li sejjaħ biex jidħlu f’rabta miegħu, huma x’inhuma d-diffikultajiet.
Jingħad li r-riċerka u l-għarfien qed inaqqsu mill-istigma soċjali marbuta mal-awtiżmu, iżda xorta m’għandux jonqos l-impenn ta’ solidarjetà b’ħidma konkreta ta’ appoġġ u tama mġedda.
Partikolarment fis-sena qaddisa tal-ħniena, il-Knisja qed tħeġġeġ lil dawk li jemmnu u lil dawk li ma jemmnux biex jilqgħu r-responsabbilta’ f’ħajjithom u jaċċettaw u jħaddnu persuni bl-awtiżmu, kif ukoll lill-familji tagħhom.

Ritratti: DOI – Pierre Sammut