​Lewandowski jiksirha mal-aġent tiegħu

Skont is-sit tal-futbol tuttomercatoweb.it, l-attakkant Pollakk ta’ Bayern Munich Robert Lewandowski jidher illi kisirha bl-ikrah mal-aġent tiegħu Cezary Kucharski.
Dan wara li l-plejer ta’ 29 sena jixtieq iħalli lil Bayern Munich u jingħaqad ma’ klabb ieħor kompetittiv filwaqt illi jiffirma l-aħħar kuntratt prestiġġjuż fil-karriera tiegħu.
Jidher illli Lewandowski u Kucharski mhux qed jiftiehmu fuq il-kuntratt eżistenti ma’ Bayern Munich u għalhekk saħansitra l-attakkant Pollakk qed idur lejn aġenti oħra sabiex l-objettiv tiegħu jsir realtà.
Ħafna qegħdin jispekulaw illi Mino Raiola jista’ jibda jieħu ħsieb il-kuntratt ta’ Lewandowski għalkemm tfaċċa wkoll l-isem ta’ Pini Zahavi illi kien il-moħħ wara t-transfer ta’ Neymar ma’ PSG.
Fil-jiem illi ġejjin mistennija żviluppi sabiex ikun magħruf jekk iż-żewġ partijiet jiftiehmux jew inkella ifittxux toroq separati.