Lesti nwaqqfu l-permessi għal iktar restoranti? – Prof. Torpiano

Read in English.

Il-Perit u President ta’ Din l-Art Ħelwa Prof. Alex Torpiano jistaqsi jekk Malta hix lesta tieħu azzjonijiet drastiċi biex tieħu ħsieb l-ambjent.  

Waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt,  bit-tema L-Ekonomija vs l-Ambjent, Prof. Torpiano semma l-belt Kroata ta’ Dubrovnik, fejn ittieħdet deċiżjoni li ma joħorġux permessi għal iktar restoranti. Staqsa jekk Malta hix lesta tagħmel l-istess dwar restoranti u boutique hotels ġodda. Saħaq li ċ-ċifri tat-turiżmu f’Malta dejjem jiżdiedu iżda l-impatt tiegħu, pereżempju fuq l-ilma u fuq ir-residenti qatt ma jiġi kkalkulat. 

Prof. Torpiano semma kif sa tliet snin ilu l-prijorità kienet it-tkabbir ekonomiku u warajh l-ambjent, u li issa kulħadd qed jirrealizza li dan ma kienx korrett. Stqarr li hemm prezz għal kollox, “anke għan-nuqqas ta’ spazji rikreattivi”.

Il-President ta’ Din l-Art Ħelwa semma wkoll il-policies u enfasizza li l-mudell tal-ippjanar għandu jinbidel. “Jekk il-mudell tagħna hu li dejjem irridu nikbru, hemm prezz li mhux qed nagħtu kasu”, kompla jfisser.

Irrefera għall-Enċiklika tal-Papa Franġisku, Laudato Si, li tqanqal diversi domandi li wieħed għandu jistaqsi biex jasal għall-konklużjoni jekk proġett ikunx se jservi għal ġid komuni. Il-Perit Torpiano rrimarka li għadu mhux konvint li d-definizzjoni ta’ ekonomija hija ċara għal kulħadd, hekk kif ħafna drabi tintrabat mal-Prodott Gross Domestiku (GDP). 

“Fassal l-ekonomija b’mod li tagħti valur lill-ambjent” – Gordon Cordina

Minn naħa tiegħu, l-ekonomista Dr Gordon Cordina saħaq li l-ekonomija trid titfassal b’tali mod li tagħti valur lill-ambjent, sabiex l-ambjent ikun parti mir-riċetta li tagħmilna Maltin. Fi kliemu l-ekonomija fadal fejn tikber, “jekk nagħrfu ninvestu r-riżorsi li qed nakkumulaw, fi proġetti li jservu ta’ ġid għas-soċjetà kollha kemm hi”.  Dr Cordina saħaq li l-ekonomija qed titkejjel ħażin għax ma tinkludix l-impatt u l-inizjattivi ambjentali. Irrimarka li minħabba li l-ambjent ċkien, hemm bżonn policies aktar restrittivi. Fi kliemu l-ippjanar jista’ jfalli jekk ma jsirx kif suppost. 

F’kummenti lil Newsbook.com.mt, il-Psikjatra Joe Cassar tenna l-mistoqsija tal-Prof. Torpiano, meta staqsa jekk il-pajjiż għandux il-kapaċità jaġixxi fuq dak li qed jgħid. 

Wieħed mill-mistiedna ewlenin fil-Business Breakfast kien il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera li saħaq li dak li kien tajjeb ilbieraħ mhux bilfors tajjeb illum u  li għaldaqstant hemm bżonn ta’ miżuri iebsa. 

Filmat: “Dak li kien tajjeb ilbieraħ mhux bilfors tajjeb illum” – Herrera