Filmat: Lesti nevalwaw il-proposti ta’ Casa dwar l-iSLAPP – Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa lest li jevalwa l-proposti li jista’ jkollu l-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti fejn tidħol l-iSLAPP.
Min-naħa tiegħu, Casa kiteb ittra indirizzata lill-Viċi Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans fejn sostna li wara d-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ, hemm bżonn akbar li toħroġ direttiva mill-Unjoni Ewropea kontra l-iSLAPP.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista sostna li “l-attakki kontra Malta” ta’ David Casa qed iġibuhom fix-xejn l-esperti indipendenti.
"Il-Gvern lest li jisma' l-proposti ta' Casa" – Bonnici
Wara konferenza tal-aħbarijiet dwar l-abbozz tal-liġi tal-Midja u d-Defamazzjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal ma' Newsbook.com.mt li lest li jisma' l-proposti ta' Casa dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti fejn tidħol l-iSLAPP.
Wara li l-Gvern ivvota kontra l-emendi li ppreżentat l-Oppożizzjoni, il-MPE David Casa qal fuq Facebook li se jkun qed jistinka biex jintroduċi leġiżlazzjoni favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti dwar l-iSLAPP.

Bonnici qal li Casa ilu jagħmel parti mill-Partit Nazzjonalista u li kellu kull opportunità li jagħmel dawn l-emendi fil-passat.
Bonnici qal li skont il-pariri li rċieva, il-Gvern Malti huwa obbligat li jenforza sentenzi li jinqatgħu fi stati membri tal-Unjoni Ewropea. Qal li minħabba dan l-obbligu. Malta ma tistax tagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-liġi tal-UE.
Skont Bonnici, il-liġi Maltija diġà tipproteġi lill-ġurnalisti minn sentenzi li jinqatgħu barra mill-UE. Qal li għalhekk l-emendi tal-Oppożizzjoni ma jżidux aktar protezzjoni.
F’Mejju tal-2017, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet żvelat chain ta’ imejls bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri, il-Ministru Owen Bonnici u ċ-Ċerpersin tal-kumpanija Henley and Partners Christian Kalin.
Caruana Galizia kienet qalet li f’dawn l-imejls kien hemm evidenza ta’ kollużjoni bejn Henley & Partners, Muscat, Schembri, u Bonnici biex il-kumpanija tieħu azzjoni legali fil-konfront tagħha fi qrati tar-Renju Unit.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar chain ta’ imejls żvelati mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li Bonnici kien parti fiha, Bonnici qal li ma kienx qal lil Kalin biex jieħu din l-azzjoni legali però qal li lanqas ma qallu biex ma jmurx il-qorti.
Bonnici qal li dawn l-imejls intbagħtu wara laqgħa li kellu ma’ Christian Kalin. Qal li waqt il-laqgħha, Kalin kien qallu li ħarġu stejjer dwaru li ddeskriviom bħala skoretti u malafamanti.
“L-EU għandha tkun hi li toħroġ direttiva kontra l-iSLAPP” – Casa
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, David Casa sostna li issa aktar minn qatt qabel hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea toħroġ direttiva kontra l-iSLAPP. Dan qalu f’ittra lill-Viċi Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans.
Fi stqarrija, Casa spjega kif ġurnalisti Maltin sfaw vittmi ta’ proċeduri SLAPP minn entitajiet bħall-Bank Pilatus u Henley & Partners, f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Hu sostna li dawn il-prattiċi huma abbużivi u qed jheddu l-ħelsien tal-midja.
Tista' ssib l-ittra li bagħat Casa fl-aħħar tal-artiklu.
“L-esperti indipendenti jġibu fix-xejn lil Casa” – PL
Il-Partit Laburista sostna li l-esperti indipendenti li kienu qegħdin jagħmlu studju dwar il-leġiżlazzjoni tal-iSLAPP, ġabu fix-xejn kliem Casa.
Dan wara l-ittra li bagħat Casa lil Timmermans fejn sostnew li hu kkonferma l-opinjoni li għandu l-Gvern “li fuq din il-ħaġa pajjiż waħdu diffiċli jaġixxi sakemm ma jkunx hemm pożizzjoni komuni Ewropea”. 
Fi stqarrija, il-PL sostna li kieku Casa kien ġenwin kien isemmi it-18-il bidla favur il-libertà wara diskussjoni mal-ġurnalisti u kien isemmi wkoll li Malta neħħiet il-libell kriminali.