Lesta r-rotta tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija

DOI: Clodagh O'Neill

Tlestiet ir-rotta tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Enerġija qal li r-rotta fiha madwar 151 kilometru. Min-naħa ta’ Malta, din ġiet ippreżentata fl-istudju dwar l-impatt ambjentali sottomess lill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia illum żar lill-impjegati tal-kumpanija Melita Transgas. Melita Transgas hija l-kumpanija pubblika li twaqqfet biex timplimenta l-proġett tal-pipeline tal-gass.

Il-Ministru qal li qabel u matul dawn l-istudji, saru bosta laqgħat ta’ konsultazzjoni, kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-kunsilli lokali u l-awtoritajiet ikkonċernati.

Meta l-proġett jitlesta, il-pipeline se jkun qed jgħaqqad lil Malta mal-grid Ewropew u jagħti aktar kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ gass lil Malta.