Lesta l-inkjesta dwar l-imwiet tal-immigranti

Robert Abela
DOI: Jeremy Wonnacott

Read in English.

L-għaqda Repubblika qalet li l-inkjesta dwar l-imwiet tat-12-il persuna fil-baħar ġiet konkluża. Esprimiet it-tħassib tagħha dwar dan.

Fi stqarrija Repubblika qalet li hija sorpriża li l-inkjesta tlestiet f’xahar.

L-aħbar li tlestiet l-inkjesta ġiet żvelata mit-Times of Malta llum.

“Mhux normali li inkjesti ta’ din il-portata jitlestew fi żmien daqshekk qasir. Għandna inkjesti fl-aġir ta’ politiċi Maltin li ilhom pendenti tlett snin. Din l-inkjesta tlestiet f’xahar,” qalet Repubblika.

Allegat ukoll li x-xhieda u l-evidenza li rrakkomandat li tisma’ l-inkjesta ma setgħetx inġabret f’dan iż-żmien qasir.

“Ninnutaw li l-Prim Ministru Robert Abela talab kopja tal-inkjesta. Hu ċar li jekk hu se jingħata kopja tal-inkjesta, l-inkjesta għandha tiġi pubblikata fl-intier tagħha biex il-kwalità tagħha tiġi eżaminata minn kulħadd,” saħqet l-għaqda.

“Nittamaw li l-istituzzjonijiet Maltin għamlu kull sforz biex iroddu ġustizzja lit-12-il persuna li tilfu ħajjithom fl-ibħra tagħna. Dan minbarra l-illegalitajiet l-oħra li hu allegat li twettqu fl-istess ġranet bħall-koperazzjoni ma’ min iwettaq it-tortura biex 57 persuna oħra jiġu sfurzati lura lejn il-Libja,” kompliet tgħid Repubblika.

Fakkret li bil-ħidma tagħha nkixfu pushbacks sigrieti li “ma sarux aktar.”

Kien Newsbook.com.mt li f’April żvela li l-Gvern juża lil Neville Gafà biex jikkordina pushback. Il-Gvern Laburista ċaħad li dan kien il-każ.

Neville Gafà kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li hu xehed bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Min-naħa tiegħu Gafà qal li qatt ma ikkordina push backs. Qal li kien jara li dgħajjes b’ immigranti ma jidħlux fl-SAR Malti (iż-żona ta’ salvataġġ).