Il-familji Maltin u Għawdxin huma mistiedna biex jaqsmu l-ikla tal-Milied ma’ membri ta’ familja Kristjana, li tilfu kollox meta ħarbu minn darhom fis-Sirja, biex jeħilsu mit-terroristi tal-Istat Iżlamiku (ISIS).
Imma kif?
L-inizjattiva tal-Aid to the Church in Need f’Malta (ACN) tispjega fi stqarrija, li min jieħu sehem f’din il-kampanja mhux se jkun qed jistieden fiżikament familja f’daru. Madanakollu jinsistu li b’mod simboliku, matul l-ikla tal-Milied, tista’ tħalli siġġu vojt madwar il-mejda u toffri donazzjoni bl-ammont ta’ kemm tonfoq għal persuna għal ikla d-dar jew f’restorant.
X’se jingħataw il-familji fil-bżonn?
L-ACN qed tipprovdi lill-familji refuġjati b’affarijiet li jkollhom bżonn b’urġenza fosthom pakketti tal-ikel li jkun fihom ross, laħam, żejt tat-tisjir, qamħ u affarijiet bżonnjużi oħra.
Ipproponiet ukoll li tgħin mas-16,000 tifel u tifla minn madwar is-Sirja billi tirregalalhom pakketti tal-Milied li se jkun fihom ikel, ftit ħelu, ħwejjeġ għax-xitwa, żraben u ġugarelli.
Kif tista’ tagħti donazzjoni?
Biex toffri donazzjoni, tista’ tibgħat ċekk indirizzat lill-ACN (Malta). Fuq l-envelopp ikteb Ikla tal-Milied u l-indirizz: ACN (Malta, 39b, Triq l-Imdina, Ħ’Attard.
Tista’ wkoll toffri donazzjoni permezz tal-kont tal-bank tal-APS: 20001771733. Ibgħat imejl bit-titlu “Ikla tal-Milied” fuq info@acnmalta.org.