Lest tagħti sehmek għal toroq mingħajr imwiet?

Il-Malta Automobile Club qed iħeġġeġ xufiera u passiġġieri li għandhom interess fis-sigurtà fit-toroq biex jappoġġjaw l-inizjattiva European Day Without A Road Death (EDWARD) 2017.
l-proġett jilħaq il-milja tiegħu bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru.
Meta persuna tagħżel li tagħmel pledge jew wegħda fuq is-sit, tittieħed fil-paġna My Road Safety Pledge, fejn twiegħed x’azzjonijiet se tagħmel jew ma tagħmilx bħala xufier.
Wara li tlesti l-wegħda, tirċievi ċertifikat.
Il-klabb jgħid fi stqarrija li kieku l-maġġoranza tax-xufiera f’Malta jimxu ma’ din il-wegħda, it-toroq ikun ħafna iktar siguri, indipendentement mill-konġestjoni tat-traffiku.
Ir-regoli li jispikkaw
Il-Malta Automobile Club jiġbed l-attenzjoni għal regoli partikolari fit-toroq: “Stop”, “Yield” u “Pedestrian Crossing”.
Jispjega li ħafna xufiera jinjoraw l-ewwel żewġ sinjali u xi wħud oħra jinjoraw it-tielet sinjal, bil-konsegwenza li jseħħu inċidenti serji, u xi drabi mwiet.
Jappella biex bi ftit attenzjoni għas-sinjali minn kull min juża t-toroq, jistgħu jonqsu ħafna inċidenti.
Uża l-karozza ma’ xi ħadd ieħor
Il-klabb qed jappoġġja wkoll l-inizjattiva biex persuna tuża l-karozza ma’ xi ħadd ieħor. Ifakkar li b’hekk jitnaqqsu l-ispejjez tal-fjuwil u tal-manutenzjoni tal-karozza.
Minbarra dan, titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u titjieb l-arja.
Din hi inizjattiva oħra għall-ġimgħa ta’ mobilità. Iktar dettalji hawnhekk.
Joffru l-paġna ta’ Facebook biex tuża l-karozza ma’ persuna oħra
Il-Malta Auromobile Club qed joffri l-paġna tiegħu fuq Facebook biex persuni jiktbu fejn iridu jmorru u jiftehmu ma’ persuna oħra li tagħmel l-istess vjaġġ fl-istess ħin. Iktar dettalji hawnhekk.