Lest nagħti sehmi fejn ikun hemm bżonn – Perici Calascione

Alex Perici Calascione, membru tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li fl-2017 kien ikkontesta għall-kariga ta’ Kap tal-PN qal li lest jagħti s-sehem tiegħu fejn ikun hemm bżonn.

Fuq Facebook, Perici Calascione qal li ħadd mhu ikbar mill-partit. Iddeskriva dan il-mument bħala wieħed “diffiċli” u qal li għadu jemmen fil-valuri tal-PN.

Skont Perici Calascione, kull riżultat elettorali huwa messaġġ tal-poplu lejn il-partiti politiċi. Qal li kulħadd għandu r-responsabilità li jisimgħu, jaċċettah, u jeżaminah biex imbagħad fl-aħħar tittieħed “azzjoni”.

“Akbar ma jkun id-distakk, aktar qawwi ma jkun il-mesaġġ tal-elettorat u aktar urġenti l-ħtieġa li nirreaġixxu għalih.” Perici Calascione appella lill-PN biex ma jinjorax jew iċekken l-impatt tar-riżultat elettorali.

Il-PN se jirrispondi b’bidla – Delia

Fuq Facebook, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li fil-bidu tal-kampanja, is-sondaġġi kienu qed juru distakk ta’ 72,500 vot bejn il-PN u l-PL. Qal li d-distakk finali kien dak ta’ 42,656 vot. Qal li dan ma kienx ir-riżultat li ħadem għalih il-PN jew li aspira li jakwista.
Delia qal li l-PN se jirrispondi għar-riżultat b’bidla. Qal li din il-bidla tinkludi bidla fil-mod kif jaħdem il-partit biex ikun aktar inklussiv.

L-elezzjoni ta’ Casa hija telfa għal Muscat – Azzopardi

Il-Membru Parlamentari tal-PN Jason Azzopardi feraħ lill-kandidati eletti tal-PN Roberta Metsola u David Casa. Qal li tassew kien jistħoqilhom.

Fi kliem Azzopardi ma kienx hemm dubju li Metsola kienet se tiġi eletta.

Dwar l-elezzjoni ta’ Casa, Azzopardi qal li din kienet l-unika konsulazzjoni għall-PN minħabba s-sinifikat tagħha.

Azzopardi fakkar li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat attakka lil Casa għal raġunijiet li ddeskrivihom bħala “ovvji”. Żied jgħid li fil-verità, din kienet l-unika battalja li tilef Muscat fl-aħħar snin.