“Lest li nara u nisma’ lill-familja ta’ Daphne” – PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li lest iħares lejn u jisma’ dak li għandha xi tgħid il-familja Caruana Galizia.

Meta kien qed jitkellem f’intervent telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru stqarr li hu diġa’ kkomunika li lest jiltaqa’ mal-familja Caruana Galizia. @M’għandi problema li niltaqa’ ma’ ħadd” żied Muscat.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li jaħtar inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galiza u tenna l-fiduċja tiegħu fil-konfront tal-persuni magħżula biex imexxu din l-inkjesta.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern qatt ma kellu problema li jaħtar inkjesta ta’ dan it-tip, iżda l-kwistjoni dejjem kienet ta’ meta.

“Kif għidna mill-bidu nett, meta kien hemm sejħa għal din l-inkjesta pubblika, aħna dejjem għidna bħala gvern illi naqblu li ssir. Ir-riserva tagħna kienet meta u kif. Ħalli ma jkun hemm ebda interferiment fil-proċessi l-oħra li għaddejin fir-rigward ta’ tliet persuni li nqabdu b’mod immedjat u qed jiġu akkużati bil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia,” spjega l-Prim Ministruu mexxej Laburista.

Hu tenna fiduċja fl-imparzjalita tal-persuni magħżula biex jagħmu l-inkjesta. “Ħadd ma kritika t-terms of reference u ħadd mhu qed jikkontesta s-saħħa u l-fibra morali tal-persuni magħżula,” qal il-Prim Ministru.

Aqra ukoll: Inkjesta Daphne: Prof. Refalo mhux imparzjali – Repubblika

Irrefera għar-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u spjega li hemm riservi kbar dwar il-metodoloġija użata, il-fatt li hu preġudikat u mimli ineżatezzi. Minkejja dan il-gvern daħal f’diskussjonijiet mal-Kunsill tal-Ewropa.

Mistoqsi dwar il-proġett tal-flyovers tal-Marsa,  hu qal li dan il-proġett  beda bil-bini mill-ġdid ta’ Aldo Moro u spjega li nfetħet parti mill-flyover anke fil-ħin biex tgħin meta issa jinħoloq it-traffiku ta’ meta l-istudenti jirritornaw l-iskola. Fakkar f’miżura oħra biex tgħin f’dan ir-rigward li hi t-trasport b’xejn għat-tfal kollha.