Lest inċedi posti jekk Bernard Grech ikun elett – Schiavone

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Hermann Schiavone kkonferma li lest li jċedi postu jekk Bernard Grech ikun elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej.

Schiavone kkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u qal li hu lest li jagħmel dak li hu fl-interess tal-partit u tal-pajjiż. Hu kompla jgħid li lest li jagħmel dan, kif kien għamel tliet snin ilu meta Adrian Delia kien elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista meta ma kienx jokkupa siġġu fil-Parlament.

S’issa jidher li l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista se tkun bejn Adrian Delia u Bernard Grech. Delia ħabbar li ssottometta l-interess tiegħu għall-irwol ta’ Kap nhar is-7 ta’ Awwissu. Fl-istess jum, Grech issottometta l-interess tiegħu wkoll. Kemm Roberta Metsola kif ukoll Therese Comodini Cachia qablu fuq Facebook li huma mhux se jkunu qed jikkontestaw biex il-partit jingħaqad wara kap wieħed.

Lura f’April tal-2019, Schiavone kien issospenda lilu nniffsu mill-grupp parlamentari wara li kien ħareġ li hu u l-president tal-Kunsill Ġenerali, Kristy Debono, kienu ltaqgħu mas-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech. Fenech bħalissa qed jitressaq il-Qorti akkużat b’involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Propju wara dan kollu, kienet saret inkjesta interna biex ikun determinat li ma nkisru l-ebda regoli tal-partit meta dawn iltaqgħu ma’ Fenech b’rabta ma’ sponsorship. Hawn ma kienx instab li kien hemm ksur ta’ regoli u minn hemm, Schiavone kien ingħata l-irwol tiegħu lura fil-Grupp Parlamentari tal-PN.

X’jiġri f’każ li jkun elett Bernard Grech?

Schiavone spjega li f’każ li Bernard Grech ikun elett bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, minħabba li dan mhux Membru Parlamentari elett fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet, mela jkun hemm bżonn li xi ħadd iċedi s-siġġu tiegħu għalih.

Hu kompla billi qal li minħabba li hu kien elett mill-poplu fil-parlament u mhux co-opted wara elezzjoni każwali, mela jekk jiddeċiedi li jkun hu li jagħmel post għal Grech, ikun hemm bżonn li tissejjaħ elezzjoni każwali. Qal li meta s-siġġu tiegħu jkun vakat, dawk il-kandidati tal-istess distrett li ma kinux eletti, jkunu jistgħu jissottomettu n-nomina tagħhom. Meta xi ħadd minn dawn ikun elett, imbagħad ikunu jistgħu jagħmlu post għal Grech billi jvakaw is-siġġu li jkun għadu kemm ingħatalhom.

Qal li alternattiva oħra tista’ tkun li ħadd ma jikkontesta biex jimla s-siġġu tiegħu, u b’hekk, l-Eżekuttiv ikun jista’ jieħu vot biex jagħti dan is-siġġu lil Grech.

Schiavone spjega wkoll ma’ Newsbook.com.mt li jekk, eżempju, Delia jiddeċiedi li jċedi postu, mela ma jkunx hemm bżonn elezzjoni każwali minħabba li Delia ma kienx elett mill-poplu fil-Parlament iżda kien co-opted.