Lest għall-mixja ta’ Puttinu f’Għawdex?

MGOZ: George Scerri

Għad-disa’ sena konsekuttiva l-kumitat ta’ Puttinu Cares f’Għawdex qed jorganizza l-Fun Walk for Puttinu. Il-mixja se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru fl-4:00pm u tibda mill-parkeġġ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Il-Fun Walk for Puttinu li hi inizjattiva li jieħdu l-impjegati tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’kollaborazzjoni mal-kumitat ta’ Puttinu Cares f’Għawdex, twassal biex ta’ kull sena jinġabru fondi biex titwettaq il-missjoni nobbli ta’ din il-fondazzjoni: dik li tgħin u tappoġġa lil dawk morda bil-kanċer u lill-familjari tagħhom.

Waqt it-tnedija tal-mixja annwali, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li apparti l-ġest altruwist, hemm messaġġ importanti. Dan hu li wieħed għandu jgħix ħajja aktar sana permezz tal-eżerċizzju fiżiku.

Carmel Camilleri f’isem il-kumitat ta’ Puttinu Cares f’Għawdex, irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex, lill-management tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u lill-membri tal-kumitat tal-attivitajiet soċjali tal-Isptar ta’ Għawdex li lkoll jikkontribwixxu biex din l-attività tkun suċċess.