Leonid McKay jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar

DOI - Pierre Sammut

L-eks Direttur tal-Caritas Malta Leonid McKay se jkun qed iservi bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tad-Djar.

Fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li l-ħatra tiegħu ġiet approvata unanimament llum mill-bord tad-diretturi.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li “‘Leonid McKay hu l-persuna ġusta biex tieħu l-Awtorità tad-Djar ’il quddiem.” Galdes spjega kif l-Awtorità trid tkun relevanti għar-realtajiet tal-preżent, tibqa’ sensittiva għall-bżonnijiet tan-nies, u toħroġ b’soluzzjonijiet u skemi innovattivi li jagħmlu tassew differenza.

Bi pjaċir inħabbar li Leonid McKay aċċetta l-proposta li għamiltlu u se jservi bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Housing…

Posted by Roderick Galdes on Monday, August 6, 2018

Skont is-Segretarjat Parlamentari, McKay iggradwa fis-soċjoloġija u fil-politika soċjali f’livell ta’ Master’s. Hu ħadem għal tnax-il sena sħaħ fi ħdan is-servizzi differenti ta’ Caritas Malta qabel ma nħatar direttur fl-2014. Matul it-tmexxija tiegħu, hu kien strumentali biex kompla jsaħħaħ il-Caritas f’Malta u s-servizzi tagħha, introduċa servizzi ġodda, u kompla jagħti vuċi lill-aktar persuni  vulnerabbli permezz ta’ riċerka xjentifika.

McKay mistenni jibda jaħdem mal-Awtorità tad-Djar “fi ftit ġimgħat”.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta llum qalet li Anthony Gatt inħatar bħala d-Direttur il-ġdid tal-entità tal-Knisja Caritas Malta.