Leon Spinks qed jiġġieled għal ħajtu

Il-leġġenda tal-boxing Leon Spinks, li kien ħasad lid-dinja meta rnexxielu jirbaħ lil Muhammad Ali fl-1978, kien irrappurtat li qed jiġġieled għal ħajtu l-isptar.

Il-kundizzjoni medika tal-anzjan ta’ 66 sena mhix magħrufa f’dan l-istadju, iżda martu Brenda appellat għat-talb fuq il-midja soċjali.

Is-sit Amerikan TMZ Sports qed jirraporta li Spinks qed jiġġieled għal ħajtu ġewwa sptar f’Vegas u li l-familja u l-ħbieb tiegħu huma inkwetati ferm. Martu Brenda li hila miżżewġa lil Leon għal dawn l-aħħar tmien snin, tellgħat post fuq Facebook. Hija spjegat kif għandha fidi kbira fit-talb u tixtieq li sħabha fuq il-midja soċjali jitolbu għar-raġel tagħha.

Lura fl-1978 Spinks ħasad lill-bosta meta wara biss seba’ logħbiet professjonali, kien irnexxielu jirbaħ kontra Muhammad Ali. Huwa rtira mill-boxing fl-1995 b’rekord ta’ 26 rebħa, 17-il telfa u tliet draws.