Leo kif se jirreaġixxi wara l-kunċert?

Il-11-il puntata mis-sensiela It-Tmien Nota tixxandar fuq TVM illum il-Ġimgħa fit-3pm.

L-episodju jibda l-għada ta’ kunċert li jagħtu flimkien tiġi għandhom Angela li tgħid lil Bella li l-okkażjoni tal-ġurnata ta’ qabel ma kinetx tajba għal Leo għax semgħet ħafna li ma għoġobhomx. Bella tgħidilha li Leo għadu fil-bidu u li ’l quddiem żgur isir tajjeb. Angela tkun xettika għal dan id-diskors imma biex ma ddejjaqx lil Bella żżomm kliemha lura.

Jidħol Leo li ma jkunx f’vena tajba. Jgħidilhom li kien hemm min qallu li ma kienx mar tajjeb fil-kunċert imma ma jemminx li din kienet il-verità għax hu ħass li mar tajjeb. Meta Bella tgħidlu xi ħaġa li kien hemm oħrajn li ħasbu bħall-ħbieb tiegħu, Leo jirvilla u jibda jkisser l-affarijiet. Angela titlaq u tħallihom waħedhom. Leo jgħid lil Bella li ddispjaċih ta li għamel u ma jerġax jagħmel xi ħaġa oħra hekk.

Jagħtiha x’tifhem li minbarra l-mużika hemm xi ħaġa oħra li qed tinkwetah – dik li jħoss li ma jafx fejn qiegħed magħha, avolja għamel tant għaliha. Bella tgħidlu li m’għandux għalfejn jinkwieta għax waslet għall-fatt li qed taħseb biex tiżżewġu. M’hemmx prova akbar minn hekk ta’ mħabbitha lejh.

Leo ma jidhirx li jieħu ħafna pjaċir minħabba l-irbit li jħoss li jibda jkollu. Imma fl-aħħar jaċċetta l-fatt li dak kien l-aħjar pass li seta’ jittieħed, għax irraġuna li aktar ma jkun magħha, aktar ikollu ċans jitgħallem minnha u li jkollu suċċess daqsha. Bella tgħidlu li s-suċċess jiġi bl-istudju wkoll.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.