Leli ta’ Ħaż-Żgħir se jerġa’ jixxandar

Sensiela oħra li mistennija tirritorna fuq it-televiżjoni hi Leli ta’ Ħaż-Żgħir li oriġinarjament kienet ixxandret fi Frar tal-2011.

Leli ta’ Ħaż-Żgħir hu wieħed mir-rumanzi l-iktar importanti tas-seklu 20 f’Malta, li bla dubju huwa l-iktar rumanzi importanti ta’ Ġużè Ellul Mercer. Ir-rumanz iqajjem bosta punti importanti bħall-influwenza qawwija tar-reliġjon, ix-xogħol, l-emigrazzjoni, l-isfruttament, is-solitudni, l-eżilju fir-ruħ u fiżiku u temi oħrajn.

Dan il-ktieb ingħata ħafna attenzjoni mill-kritiċi u l-istudjużi u hawn min isostni li dan hu l-ewwel rumanz psikoloġiku fil-Malti. Hawn min jgħid li din hija dikjarazzjoni xi ftit mgħaġġla.  Li hu żgur hu li Ellul Mercer kien prekursur ta’ dak li seħħ fis-Sebgħiniet tas-seklu 20 meta tibda l-kitba psikoloġika qawwija f’Malta u jibdew il-kontributi ta’ Frans Sammut u Trevor Żahra.

Bi produzzjoni ta’ Horizons, il-parti drammatizzata hija mitktuba minn Ġorġ Peresso.

Leli Ta’ Ħaż-Żgħir mistenni jibda jixxandar fuq TVM mis-Sibt 16 ta’ Mejju fl-4.15pm.