Leli joħroġ mill-poeżija għat-teatru

leli-requierm-sh
Karl Andrew Micallef

Il-poeżija ta’ Immanuel Mifsud, Daqsxejn ta’ Requiem lil Leli, se tieħu l-ħajja hekk kif se tittella’ permezz ta’ produzzjoni orġinali mit-Teatru Anon u fiha se jintużaw pupazzi. Il-produzzjoni hija parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti u se tittella’ nhar l-Erbgħa, 4 ta’ Lulju fil-Forti Sant’Iermu fid-9pm.

Il-poeżija inqrat għall-ewwel darba fil-pubbliku f’Jum l-Erwieħ ta’ 2016, mill-attur Paul Portelli, ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.

Ix-xogħol ingħata forma differenti wara li Mifsud ħadem mal-kompożitur Kris Spiteri u wara dawn ħadmu ma’ Teatru Anon u Vince Briffa biex il-poeżija nbidlet f’xogħol teatrali u viżwali.

Il-poeżija, li kienet ippubblikata kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, tittratta l-vjaġġ ta’ raġel li qed imut. Ir-raġel jmur lura f’ħajtu u jiftakar f’mumenti li għalih kienu memorabbli u fl-episodji li għenuh fil-ħajja.

Bl-adattament mużikali ta’ Kris Spiteri, l-octet jikkonsisti minn Tatjana Chircop, Sarah Spiteri, Joseph Mallia, Christopher Greenhalg, Lampros Ioannis Lapin, Luke Baldacchino, Luke Briffa u Kristian Schembri.

Id-direzzjoni artistika qiegħda f’id Teatru Anon. L-awturi huma Douglas Comley, Sandra Mifsud, Jacob Piccinino, Liliana Portelli, u Pierre Stafrace.

Ix-xogħol se jittella’ bil-Malti bis-sottotitli bl-Ingliż.