Lejn Strateġija Nazzjonali ‘Blu’

Illum saret it-tieni laqgħa tal-Kumitat għall-Strateġija Nazzjonali Marittima Integrata. Il-kumitat li twaqqaf apposta biex isaħħaħ l-koordinazzjoni bejn l-entitajiet kollha relatati mal-baħar, sar fl-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Dr Edward Zammit Lewis fil-Belt Valletta.

Matul din il-laqgħa ġie rrappurtat li matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Kumitat identifika u beda biex jitratta għadd ta’ fatturi inkluż numru ta' sfidi li għall-xhur kienu qed jaffettwaw is-setturi marittimi kollha.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li t-twaqqif ta’ kumitat għall-strateġija Nazzjonali Marittima Integrata huwa sinjal ċar li din l-Amministrazzjoni hija impenjata b'mod serju sabiex tiżviluppa "ekonomija blu" u "tkabbir blu" – strateġija fit-tul biex tappoġġja t-tkabbir fis-settur marittimu kollu kemm skont l-istrateġija nazzjonali u anke dik tal-UE. Barra minn hekk, ir-riżultat aħħari se jkun ħolqien ta’ impjiegi fis-Settur Marittimu.