Lejn mira biex jonqos bin-nofs l-iskart iġġenerat mill-ikel

Fl-Unjoni Ewropea, huwa stmat li kull persuna tiġġenera mal-180 kilo fis-sena, fi skart iġġenerat mill-ikel.
F’Malta li mhix eċċezzjoni, il-ħela tal-ikel jammonta għal aktar minn 55% tal-iskart domestiku li jiġi ġġenerat mid-djar.
Fid-dawl ta’ dan, minn studju riċenti tal-NSO jirriżulta, li bħala medja kważi kwart (22%) tal-ikel li nixtru jispiċċa jinħela u jintrema.
Il-Pajjiżi Membri tal-UE qed jintalbu biex sas-sena 2025 l-iskart iġġenerat mill-ikel jitnaqqas bi 30% waqt li sas-sena 2030 dan jonqos bin-nofs.
Meta kien qed jitkellem fi Brussell bħala mistieden tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-Ministru Jose’ Herrera saħaq li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu fuq livell Ewropew, inkunu kapaċi nnaqqsu mal-443 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-arja (GHG).
Il-Ministru saħaq li dan m’għandux ikun biss sforz ta’ gvernijiet imma anke sforz ta’ ċittadini li jagħmlu l-parti tagħhom.