Lejn Malta ċentru preferut għall-kummerċ tal-gass u ż-żejt

New Silkroutes Group Limited ħabbret li l-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa huwa s-shareholder ewlieni f’IEG Malta Limited, imwaqqfa biex tibdel lil Malta f'ċentru ideali fil-Mediterran għall-kummerċ tal-gass u ż-żejt.
IEG twaqqfet f’Mejju li għadda bejn il-Malta Enterprise u New Silkroutes Group Limited.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar ta’ Novembru, għaddiet riżoluzzjoni tal-Bord biex is-sehem ta’ 10% li Malta Enterprise kellha f’IEG jgħaddi għand il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa. Dan ifisser ukoll li l-Ministeru huwa issa rappreżentat ukoll fuq il-Bord tal-IEG permezz tas-Segretarju Permanenti li qed jieħu post iċ-Chairman ta’ Malta Enterprise.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ New Silkroutes, Dr Goh Jin Hian, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp li qal li "se jissarraf f’koordinazzjoni eħfef bejn diversi organizzazzjonijiet u entitajiet tal-Gvern".
Il-Gvern, min-naħa tiegħu, qal li "dan hu pass ieħor ‘il quddiem fl-ambizzjoni ta’ Malta li ssir il-hub preferuta fil-Mediterran għall-kummerċ tal-gass u ż-żejt bejn l-Ewropa u l-Asja. Dan hu konformi wkoll mal-istrateġija tal-Gvern Malti li jieħu vantaġġ mill-potenzjal tar-reġjun tal-Mediterran".