Lejn inqas spejjeż u aktar sodod fl-isptar?

 Is-sistemi tal-kura tas-saħħa mhumiex ta’ piż fuq ir-riżorsi, kif xi kultant jintqal, imma huma parti importanti mit-titjib tal-kwalità tal-ħajja u tal-prosperità ta’ soċjetà. Ir-relazzjoni bejn is-sistemi tas-saħħa, is-saħħa personali, u l-ġid tal-individwu hi waħda kumplessa iżda fl-istess waqt marbuta b’mod inseparabbli. Investiment f’sistema tal-kura tas-saħħa li taħdem hu mod tajjeb u effettiv ta’ kif jistgħu jonqsu l-ispejjeż bil-għan li tintlaħaq il-mira ewlenija: dik li jkollna soċjetà Maltija b’saħħitha.
Dan hu t-twemmin ta’ organizzazzjoni Pharmaceutical Research–Based Industry Malta Association, jew fil-qosor, PRIMA. L-għan ewlieni tagħha hu li tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp tal-prodotti farmaċewtiċi f’Malta, kif ukoll li twassal prodotti mediċinali fis-suq bl-għan li ttejjeb il-kwalità tas-saħħa tal-Maltin.
Mario Sciberras, il-President ta’ PRIMA, qal li  “meta tkun implimentata kif suppost, sistema ta’ kura tas-saħħa tista’ titqies bħala settur produttiv fl-ekonomija Maltija. Dan għandu jwassal għal eżami mill-ġdid dwar il-viabbiltà finanzjarja tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna. Żieda fin-nefqa f’sistema tas-saħħa effettiva tista’ tkun waħda mill-elementi li twassal ekonomija iktar produttiva, filwaqt li tikseb livelli aktar tajbin ta’ saħħa fis-soċjetà Maltija.”
“Bħala assoċjazzjoni, il-prijorità ta’ PRIMA hi li nipprovdu aċċess għall-mediċini lill-pazjenti f’Malta. Għalhekk aħna nilqgħu l-inklużjoni ta’ mediċini l-ġodda fuq il-Lista Formularja tal-Gvern. L-aċċess f’waqtu għal dawn il-mediċini innovattivi hu elenkat fiċ-Charter tad-drittijiet tal-pazjent tal-UE. Jekk pajjiżna jrid ikun konformi mal-liġi tal-UE, Malta trid tiżgura li l-pazjenti jkollhom aċċess għal dawn il-mediċini skont timelines stabbiliti,” qal Sciberras.
Filwaqt li f’Malta tjiebet id-disponibbiltà tal-mediċini fuq il-Formularju tal-Gvern, hu fatt li meta jsir paragun mal-formularji oħra madwar l-Ewropa, hemm għadd ta’ mediċini innovattivi li jinsabu disponibbli għal ċittadini tal-UE imma mhumiex disponibbli għall-pazjenti f’Malta.   
Ħafna drabi, il-mediċini innovattivi jitqiesu bħala spiża minflok investiment. Fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, il-limitazzjoni tal-ispejjeż sar għandha priorità assoluta. Fl-istess waqt, dan jista’ jkun approċċ perikoluż għall-immaniġġjar ħolistiku tas-sistema tal-kura tas-saħħa.
Il-President ta’ PRIMA spjega kif ċertu mediċini innovattivi jagħtu riżultati aħjar u dawn allura jwasslu fi gwadann, mhux biss għall-pazjenti, iżda anki biex b’mod indirett ikunu ffrankati l-flus fis-sistema tal-kura tas-saħħa f’Malta. Il-benefiċċji jinkludu tnaqqis fl-ammissjonijiet tal-emerġenza, tnaqqis fin-numru ta’ riferenzi ta’ in-patients, u tnaqqis f’kumplikazzjonijiet assoċjati ma’ mard.
“Dan kollu jirriżulta f’inqas użu tas-sodod fl-isptar li, bħalma kulħadd jaf, hu spiża kbira fuq is-sistema tas-saħħa tagħna,” hu qal.