Lejla ta’ poeżija spontanja għand Jacob’s Brew

Nhar il-Ħamis 14 ta’ Diċembru, Inizjamed se torganizza l-għoxrin Palk Ħieles tagħha, din id-darba għand Jacob’s Brew.
Bħal dejjem u fl-ispirtu tal-Palk Ħieles il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jaqra xi poeżija, storja, jirreċta, jkanta xi ħaġa oriġinali jew jagħmel xi ħaġa oħra interessanti. “Kull djalett, kull lingwa, kull mod ta’ espressjoni hija merħba biha, u aktar kemm ikollna minnhom, aktar nifirħu”, qalet Inizjamed.
Bħala mistieden speċjali, se jieħu sehem l-poeta Norbert Bugeja li ppublika erba’ kotba ta’ poeżija, bl-aħħar wieħed riċenti jkun ‘Nartiċi’. It-tliet kotba l-oħra huma ‘South of the Kasbah’, ‘Bliet’ u ‘Stay Fairy Tale Stay’. Huwa qara l-versi tiegħu f’diversi festivals letterarji internazzjonali, u ħa sehem aktar minn darba fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta bħala poeta tal-versi tiegħu stess.
Fi kliem l-organizzatur, bħall-poeżija, Jacob’s Brew huwa l-akbar eżempju ta’ kif b'qalb maqsuma fi tnejn minflok tieqaf tħabbat, jkollok żewġ taħbitiet fl-istess mument, u tista’ taħseb f’ħaddieħor.