Lejla mużikali mat-tenur Malti Nico Darmanin

Lejla ta’ mużika klassika mat-tenur Malti Nico Darmanin se ssir il-Ġimgħa 29 ta’ April 2016 fis-7.30pm fil-Music Room ta’ St James Cavalier fil-Belt Valletta. 
Din is-serata għandha l-appoġġ tal-Palazzo Prince D’Orange fil-Belt Valletta, u hi organizzata mill-Gran Kommanderija tal-Kastell (GCC), ibbażata il-Mensija, San Ġwann, li hi ġurisdizzjoni tal-Ordni Militari u Ospitalliera ta’ San Lazzru ta’ Ġerusalemm.
Id-dħul kollu se jmur għand organizzazjonijiet li jgħinu lil-lebbrużi fl-Indja.
Nico Darmanin, li se jkun akkumpanjat mill-pjanist Taljan Leonardo Barilaro, se jkanta siltiet romantiċi ta’ Bellini, Donizetti, Gounod, Mozart, Rossini, Tosti u Verdi.
Isem Nico Darmanin qed isir aktar magħruf l-aktar għal siltiet ta’ Rossini u għal repertorji tal-hekk imsejjaħ Bel Canto, fejn diġá ddebutta fir-Royal Opera House, Covent Garden. Dan l-aħħar, hu kellu partijiet importanti bħal Almaviva, Il Barbiere di Siviglia (Opera Holland Park); Ramiro, La Cenerentola (Scottish Opera); Ottavio, Don Giovanni (Vlaamse Opera); and Belfiore, Il viaggio a Reims fir-Rossini Opera Festival f’ Pesaro.