Lejl ta’ opri fit-Teatru Aurora

Nhar is-Sibt 14 ta’ Ottubru se jkun lejl impenjattiv u speċjali għat-Teatru Aurora f’Għawdex. Dan hekk kif it-teatru se jiċċelebra l-40 anniversarju ta’ opra f’Għawdex permezz ta’ żewġ produzzjonijiet jiġifieri il-Cavalleria Rusticana ta’ Pietro Mascagni u I Pagliacci ta’ Ruggero Leoncavallo.
Fil-każ tal-produzzjoni tal-Cavalleria Rusticana se tkun qed tiftaħ il-lejl b’Alberto Mastromarino, persuna ta’ fama kbira li kanta f’bosta mill-aqwa teatri fid-dinja, bħala Alfio u l-istilla tal-opra Ċilena u l-Ambaxxatur Kulturali għall-Patrimonju Dinji tal-UNESCO Giancarlo Monsalve fl-irwol ta’ Turiddu. Joanna Parisi se tkun qed tmexxi l-kast femminili bħala Santuzza, flimkien mal-Maltin Christine Dalli – Lola u Graziella Debattista – Mamma Lucia.
Min-naħa l-oħra I Pagliacci se tkun qed issegwi, b’Mastromarino u Monsalve jkunu l-uniċi żewġ membri tal-kast komuni bejn iż-żewġ opri, fejn se jkunu qed jinterpretaw lil Tonio u Canio rispettivament. Marzio Giossi, issa isem magħruf fit-Teatru tal-Opra Aurora, se jkun qed jirritorna bħala Silvio. Hemm imbagħad stennija kbira fost l-udjenzi fl-Aurora għall-Malti Cliff Zammit Stevens li se jkun qed jiddebutta fl-Aurora bħala Peppe waqt li l-unika mara fil-kast ta’ I Pagliacci se tkun is-sopran magħrufa Elena Kelessidi.
It-Teatru Aurora qabbad lil Gianmaria Romagnoli għall-ewwel darba bħala direttur artistiku, bir-responsabbiltà tad-disinni tas-sett u dwal.