Lecture dwar aħbarijiet foloz; kulħadd mistieden

Read in English.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret li se jkun hemm lecture titratta aħbarijiet foloz. Din il-lecture se ssir fl-4 t’Ottubru fis-7pm, fil-Kurja. Kulħadd huwa mistieden.

Il-kelliem, David McLoughlin, huwa Fellow Emeritu tat-Teoloġija Kristjana fi Newman University. Il-lecture, bit-tema ‘Knisja li tħares ‘il quddiem’, hi organizzata minn Discern, li huwa Istitut tar-Riċerka dwar is-Sinjali taż-Żminijiet.

McLoughlin se jkun qed jitkellem dwar il-Knisja fil-kuntest ta’ gwerer kulturali li qed iseħħu f’ħafna pajjiżi. Barra minn hekk, se jitratta l-aħbarijiet foloz. Dan għaliex skont l-istqarrija, aħbarijiet foloz joħolqu problema fid-diskors soċjali u politiku għax jimmanipulaw il-qlub u l-imħuħ b’mod globali.

David McLoughlin ilu jgħallem qassisin, dekani, ministri u għalliema għal dawn l-aħħar 30 sena. Huwa beda l-Moviment ta’ Ħaddiema Kristjani, kien il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Teoloġija Kattolika tar-Renju Unit, u l-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Teoloġija Kattolika. Huwa issa jipprovdi sapport teoloġiku lil numru ta’ karitajiet u ordnijiet reliġjużi li jinkludu Pax Christi, Marriage Care, Caritas, MCW u ACTA.