Leave ta’ ħaddiem jikkawża skossi fis-servizz tal-ambulanzi

aċċident mutur San Ġiljan

Dik li qed tissejjaħ “inġustizzja” ma’ ħaddiem wieħed fil-garaxx tal-ambulanzi tal-emerġenza dwar il-leave wassal għal mossa ta’ solidarjetà f’forma ta’ direttiva mill-UĦM – Voice of the Workers. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn Charles Vella, assistent maniġer tar-relazzjonijiet tal-ħaddiema fi ħdan l-unjin.

Vella spjega kif fl-aħħar jiem kien hemm sitwazzjoni fejn ħaddiem speċifiku fil-garaxx tal-ambulanzi talab għal ġurnata leave li ġiet approvata. Ħamest ijiem qabel il-ġurnata speċifika, il-ħaddiem ried jikkanċella l-leave tiegħu iżda l-maniġment ma bediex iħallieh jagħmel dan. Vella sostna li skont ir-regoli tal-post tax-xogħol, wieħed ikun fiċ-ċans li jħassar il-leave tiegħu propju sa tlett ijiem qabel il-ġurnata nnifisha u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn dan ma jitħalliex jagħmel hekk.

Intant, l-unjin iddeċidiet li toħroġ direttiva sabiex turi solidarjetà mal-membru tagħha. Id-direttiva qed tordna lill-membri tal-UĦM sabiex ma joħorġux bl-ambulanza sakemm ma jkunx hemm infermiera magħhom. Vella spjega li filwaqt li hemm vjaġġi li jirrikjedu li l-infermiera jkunu preżenti, hemm vjaġġi oħrajn bħal dak tat-tip “blue code” li s-soltu ma jkollhomx il-bżonn ta’ infermiera preżenti. Dawn it-tip ta’ vjaġġi issa mhux qed jitħallew isiru mingħajr.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li minħabba xi direttivi li bdew illum, ix-xogħol tal-garaxx tal-ambulanzi waqa’ b’lura tant li dawk li jiġu bżonn is-servizz qed ikollhom jistennew għal aktar ħin.